Festivals Malta – Insaħħu l-esperjenza kulturali f’livelli bla preċedent

Il-Kunsill Malti għall-Arti nieda Festivals Malta. Festivals Malta hi Organizzazzjoni Kulturali Pubblika li xogħolha mhux biss li torganizza attivitajiet kulturali, imma anki li tagħmel il-festivals u l-arti performattiva bħala parti integrali mill-ħajja Maltija.

Flimkien mat-team ta’ 20 professjonist dedikat u ta’ talent kif ukoll tmien diretturi artistiċi, Festivals Malta għandha f’idha aktar minn 160 attività li jikkonstitwixxu fi tmien festivals u ħames avvenimenti nazzjonali.

It-tmien festivals huma: ‘l-Karnival ta’ Malta’, ‘il-Festival tal-Mużika Dinjija’, ‘Għanafest’, ‘il-Festival Internazzjonali għall-Arti’, ‘il-Festival tal-Jazz Malti’, ‘Notte Bianca’, ‘il-Festival tat-Tliet Palazzi’ u ‘Rock Events’. Il-ħames avvenimenti nazzjonali huma Jum il-Ħelsien iċċelebrat fil-31 ta’ Marzu, is-Sette Giugno fis-7 ta’ Ġunju, Jum il-Vitorja fit-8 ta’ Settembru, Jum l-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru u Jum ir-Repubblika fit-13 ta’ Diċembru. Festivals Malta hi responsabbli wkoll miċ-ċelebrazzjoni tal-festi ta’ San Girgor, Dun Karm u avvenimenti kulturali oħra fosthom il-Kunċert tal-Epifanija u l-Kompetizzjoni tal-Presepji tal-Milied.

Hon. Owen Bonnici at Festivals Malta launch.jpg

Minbarra kalendarju rikk bl-attivitajiet, Festivals Malta hi kburija li qed taħdem fuq proġett megħjun minn fondi Ewropej: l-Esperjenza tal-Karnival Malti, li matul is-sena kollha se joffri vetrina tal-elementi kollha marbuta ma’ dan l-avveniment popolari li jgawdi minn tradizzjoni dewwiema.  Id-dilettanti tal-karnival se jkollhom post state-of-the-art, li se jagħtihom l-opportunità biex mhux biss jaħdmu f’ambjent eċitanti u vibranti imma li jesponi xogħolhom ukoll. B’dan il-mod il-viżitaturi jkollhom l-opportunità li japprezzaw il-proċessi kreattivi, jitgħallmu dwar l-istorja rikka tal-karnival kif ukoll jaraw parati sħaħ mill-bidu sal-aħħar. 

Waqt it-tniedija ta’ Festivals Malta, il-Ministru Bonnici stqarr li “Bħala l-ministru responsabbli għall-kultura, jien nara dan il-mument bħala wieħed uniku u storiku għal qabża ta’ kwalità f’l-iżvilupp artistiku u kulturali, għall-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ espressjoni artistika, u għall-ftuħ ta’ orizzonti ġodda għall-inseminazzjoni kulturali minn fruntieri nazzjonali u lil hinn minnhom

Dwar il-funzjoni ta’ Festivals Malta, id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala qalet li “Bit-twaqqif ta’ Festivals Malta se tinħoloq identità b’saħħitha għall-festivals u l-avvenimenti, li mhux biss se żżid il-parteċipazzjoni u l-għarfien lokalment imma se tfittex ukoll li tgħolli l-profil kulturali ta’ Malta fuq livell internazzjonali bħala pajjiż li għandu ħafna x’joffri kulturalment.”

Hon. Owen Bonnici at Festivals Malta launch.jpg

Ta’ min wieħed isemmi li Festivals Malta hi organizzazzjoni separata mill-Kunsill Malti għall-Arti. Din is-separazzjoni saret biex il-korp regolatorju jinżamm separat mill-fergħa operattiva tal-entità ewlenija. B’hekk jiġu evitati kunflitti ta’ interess kif ukoll ikun assigurat li l-viżjoni u l-missjoni tal-Politka Kulturali Nazzjonali u l-mandat tal-Kunsill Malti għall-Arti jitwettqu b’mod iktar effiċjenti, hekk kif kien iddikjarat fil-manifest Create 2020.

“Jekk nitilqu mill-fatt u l-aċċettazzjoni universali li Malta u Għawdex huma żewġ gżejjer li għandhom għal qalbhom il-gost, u huma impenjati li jivvintaw u jerġgħu jivvintaw opportunitajiet biex joħolqu l-briju u jingaġġaw f’ċelebrazzjonijiet komunali, fl-aħħar għamilna l-qabża biex nifformalizzaw pjattaforma apposta li xogħolha hu li tipprovdi programmi ta’ festivals u materjal għall-avvenimenti li huma iktar inklussivi, diversi, ekklettiċi u ta’ kwalità ogħla,” qal Albert Marshall, President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti. “Issa għandna grupp ta’ nies li hu aktar iffukat biex jimplimenta dan il-programm, li se jkun sostnut b’mod sod mir-riżorsi tal-Kunsill kif ukoll minn imsieħba kummerċjali u partijiet interessati fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta,” sostna Marshall.

Stivala kompliet tispjega kif is-separazzjoni ta’ organizzazzjoni distinta se twassal biex ikun hemm enfasi akbar fuq l-kwalità tal-organizzazzjoni tal-festivals kif ukoll tinħoloq identità unika madwar il-festivals u l-avvenimenti mtellgħin minn Festivals Malta”.

Festivals Malta jmur lil hinn minn sempliċiment organizzar ta’ avvenimenti. Il-viżjoni tagħha hi li trawwem il-kreattività, il-professjonaliżmu, il-parteċipazzjoni u l-edukazzjoni kulturali fil-festivals. L-organizzazzjoni se tiffaċilita l-konnessjoni ma’ festivals internazzjonali oħra biex b’hekk tipprovdi opportunitajiet għal talent lokali waqt li ġġib ideat ġodda u innovattivi lejn Malta. Minħabba l-pożizzjoni tal-gżira f’nofs il-Baħar Mediterran li sservi ta’ pont bejn l-Ewropa u l-Afrika, Malta titqies bħala post ideali għal kollaborazzjoni bejn artisti Maltin u Ewropej. Festivals Malta se tibni fuq dan, flimkien mal-awtentiċità u l-ospitalità tal-pajjiż, biex toħloq il-marka ta’ Malta bħala ‘Il-Gżira tal-Festivals’, post fejn in-nies jistgħu jivvjaġġaw biex igawdu l-aktar forma ta’ arti favorita tagħhom.