Festivals Malta

Blog

‘Magħqudin f’ ħidma kontinwa sabiex inkomplu ngħollu l-kwalità tal- Karnival Malti’

Għaqda Parteċipanti Karnival ta’ Malta

Għeżież dilettanti tal-Karnival,

L-element ta’ tiġdid jirrikjedi li jkun imiss lili għall-ewwel darba bħala Segretarju li naqsam xi ħsibijiet magħkom qabel pajjiżna jingħaqad għall-akbar festa ta’ lwien u briju - il-Karnival. Żgur li mhix missjoni faċli s-sehem ta’ kull wieħed u waħda minna fil-karnival , attività nazzjonali komposta minn bosta riżorsi, b’dawk ewlenin ikunu r-riżorsi umani u l-volontarjat. L-element uman huwa wieħed kumpless li fin-natura tiegħu huwa strument b’saħħtu ta’ fortizza li tixpruna kisbiet kbar u fl-istess waqt fin-natura umana li xi drabi jiltaqa’ ma’mumenti ta’ dubju u ta’ qtigħ il-qalb.

Reġgħet waslet fi tmiemha sena oħra ta’ ħidma, impenn u dedikazzjoni mid-dilettanti tal-Karnival Malti sabiex jippreżentaw lill-Poplu prodott aħjar mis-sena li għaddiet. Ġiet fi tmiemha wkoll il-ħidma ta’ żewġ membri fi ħdan l-Għaqda Parteċipanti tal-Karnival, u l-apprezzament sinċier tiegħi jmur lejn il-ħidma fejjieda tal-eks membri tal-kumitat, is-Sinjuri Brian Bonniċi u  Stephen Bondin li servew fil-karigi rispettivi tagħhom.

Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa! Din hi frażi li dejjem emmint fiha u li nista’ norbot ferm ma’ dawn l-ewwel ftit ġimgħat tiegħi bħala Segretarju ta’ din l-għaqda. Huwa essenzjali li ningħaqdu flimkien sabiex il-karnival Malti jimxi ‘l quddiem. Kull wieħed u waħda minnkom tafu kemm mhix faċli biex ix-xogħol li lkoll ħdimtu fuqu jiġi ppreżentat lill-eluf ta’ Maltin u turisti li jidħlu l-Belt Valletta sabiex jammiraw  u jitpaxxew bit-talenti tagħkom. Għalhekk, huwa importanti li lkoll niġbdu ħabel wieħed għall-ġid tad-delizzju tagħna. Importanti li jkun hemm kooperazzjoni kbira bejn il-parteċipanti kollha u l-awtoritajiet konċernati sabiex il-kwalità tal-organizzazzjoni tkompli titjieb. Irridu nżommu komunikazzjoni ħajja bejnietna l-parteċipanti. Huwa fil-kompitu ta’ kull wieħed minna li waqt li nkunu fl-imħażen tagħna nippreparaw il-karrijiet, il-kostumi u ż-żfin fost l-oħrajn.  Ilkoll niżguraw li l-ambjent li qegħdin fih joffri opportunità għall-iżvilupp u s-sostenn tat-talenti tagħna. Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, il-ħin għall-volontarjat qiegħed dejjem jonqos u hija ħaġa ovvja li kull kumpanija forsi qed titlef xi helpers. Irridu nħeġġu aktar żgħażagħ sabiex jitrawmu f’dan id-delizzju, għaliex f’kull ħaġa, huma ż-żgħażagħ il-fjur u l-futur tagħna. Mill-istess lenti wieħed ma jrid jinsa qatt il-ħidma sfiqa tal-veterani li żgur li kieku ma kienx għalihom ma ninsabux fejn qegħdin illum.

Minn hawn insellem ukoll il-memorja ta’ dawk id-dilettanti kollha li llum m’għadhomx magħna.

Għalkemm, kif kulħadd jaf, il-miżuri qegħdin dejjem jiżdiedu u forsi l-briju u l-allegrija li kien jinħoloq qabel qiegħed dejjem jiġi limitat, hija evidenti li hemm futur sabiħ li ser ikompli jiżviluppa u jkabbar il-Karnival Malti b’mod differenti. Is-sena li għaddiet ħadna l-aħbar li l- applikazzjoni għall-Bini tal-villaġġ tal-Karnival ġiet mogħtija d-dawl aħdar mill-MEPA, u allura nbeda x-xogħol fuq is-sit ta’ dan il-villaġġ. Importanti li lkoll napprezzaw il-ħidma kbira li saret minn grupp ta’ nies immexxijin mid-direttur artistiku tal-Karnival Malti, is-Sur Jason Busuttil. Oġġett ġdid dejjem iġib id-dubju fost id-dilettanti, u ninsab ċert li d-dilettanti kollha qegħdin iħarsu lejn dan il-proġett b’lenti differenti, però ejjew inżommu saqajna mal-art biex flimkien naslu u nieħdu dak li vera jixirqilna.

Irridu flimkien inkunu progressivi u nibqgħu ndawru l-ħolm u l-ħsibijiet tagħna f’realtà u suċċessi. Is-suċċess huwa meqjus bħala strument li jixpruna l-entużjażmu fina, karnival wara ieħor. Minn hawn, nirringrazzja lil kull dilettant, mill-iżgħar sal-ikbar, tas-sagrifiċċji kbar li saru u li qegħdin isiru. Nagħlaq dawn il-kelmtejn tiegħi billi nħeġġeġ lil kulħadd sabiex inkomplu naħdmu biex bl-għajnuna ta’ kulħadd il-Karnival 2017 ikun storja oħra ta’ suċċess.

Alvin Livori
Segretarju Għaqda Parteċipanti Karnival ta’ Malta

Għaqda Parteċipanti Karnival ta’ Malta: Clint Axisa: President,  Oscar Curmi: Kaxxier, Alvin Livori: Segretarju     

Membri: Redeemer Casha, Charles Briffa(Tal-Banda),  Ronnie Spiteri, Charles Briffa(Felu)