Festivals Malta

Blog

Ħolma li sa fl-aħħar ser issir realtà

‘Ħolma li sa fl-aħħar ser issir Realtà

L-Arti Folkloristika tiġi żviluppata u ppreżentata fiż-żminijiet tal-lum f’bosta forom imma qatt ma tkun imferrxa bħalma tkun fiż-żmien tal-Karnival. Sa mill-1400 sal-lum (‘il fuq min 600 sena ilu) il-Karnival Malti mhux talli salva iżda żviluppa. Tentattivi sabiex ikollna post diċenti fejn karristi jistgħu jaħdmu b’mod dinjituż, b’faċilitajiet sodi u prattiċi kienu ilhom ireddnu fuqhom. Għal xi raġuni għalkemm ippjanati qatt ma seħħu, iżda issa waslet il-Ħolma li sa fl-aħħar ser issir Realtà wara tant snin.

THE MALTA CARNIVAL EXPERIENCE huwa pjan li ġie konkluż tal-Villaġġ. Il-permessi kollha tal-Mepa jinsabu f’idejna u f’Mejju jibda jinbena. Proċess li ħa 3 snin bi studju serju u dedikazzjoni minn kulħadd. Il-flus ġew allokati mill-Ewropa wkoll u għalhekk dan ifisser li min-naħa tagħna rridu nżommu mar-regoli stipulati. Hawn ma nistax ma ngħidx grazzi lill-Gvern għall-wegħda li żamm; Il-Ministeri involuti, speċjalment dak tal-Onor. Ministru Owen Bonnici – Il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali;  il-professjonisti varji li kienu involuti; il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura taħt is-Sur Albert Marshall,  kienu elementi sodi sabiex seta’ jintlaħaq dan l-għan. Id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala Attard ħadmet bla heda flimkien magħna sabiex il-proġett jiġi ppjanat u jkollu il-finanzi meħtieġa. L-għan prinċipali huwa li dan il-Villaġġ jinżamm ħaj b’attivitajiet tul is-sena kollha f’dik li hija il-Carnival Experience.  Żgur li sejrin tisimgħu aktar fid-dettall ’il quddiem dwar l-għan ta’ dan iċ-Ċentru u Villaġġ.

Il-Karnival 2017 huwa mimli b’avvenimenti varji. Barra l-Karnival fi Frar hemm dak li jsir f’Buġibba u Wied il-Għajn fis-Sajf. F’Mejju, f’Malta, bosta delegati mill-Federazzjoni Ewropea tal-Bliet tal-Karnival se jkunu f’pajjiżna. Il-Host hija l-Belt Valletta bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali. Tajjeb li wieħed jgħid li din se tkun ir-raba’ darba li se ssir f’Malta- 1987-1995-2005-2017.  L-akbar avveniment għalina huwa l-Karnival fi Frar fejn fost oħrajn se naraw parteċipazzjoni aktar mis-sena l-oħra, fejn it-temi huma varji ħafna u se jolqtu  l-gosti ta’ kulħadd, is-Satira mhix nieqsa għax żdiedet bil-bosta u peress li Malta se tieħu l-Presidenza f’Jannar 2017 tal-UE se jkollna karru Satiriku wkoll maħdum mill-Maltin u b’disinn tal-kartunista magħruf Steve Bell. Barra minn hekk, din is-sena se nerġgħu naraw karettuni/karozzini dekorati li kienu naqsu mill-Karnival tagħna u anke baned. Il-Qarċilla se tispikka bħalma tispikka l-komiċità taħt id-direzzjoni ta’ Shaun Buhagiar permezz ta’ drama tat-triq intitolat B’ TAL-LINJA JAQBILLEK. Il-Karnivali fl-irħula qed jiżdiedu u b’hekk il-parteċipazzjoni madwar Malta tal-Karnival tinfirex. Hemm titjib fil-preżentazzjonijiet ukoll tal-attivitajiet prinċipali.

L-aħħar u mhux l-inqas, grazzi kbira tmur għall-kumitat kollu li jgħini f’din il-ħidma tant għal qalbna u grazzi lill-Għaqda Parteċipanti Karnival ta’ Malta għall-kooperazzjoni fil-preparamenti u l-koordinazzjoni. Ringrazzjament speċjali jmur għall-parteċipanti kollha u l-familji tagħhom tal-Karnival Malti kemm dak ċentrali u kemm fl-irħula. B’entużjażmu jaħdmu dejjem sabiex jifirħu u jferrħu u jżommu t-tradizzjoni tal-akbar festa f’Malta fejn kulħadd jitħallat mat-turisti biex jiċċelebra dan l-avvenimenti.

Viva Viva l-Karnival!

Jason Busuttil