Festivals Malta

Blog

‘U l-Milied u l-Karnival mhux għat-tfal jiġu!’

Kemm nisimgħuha din il-frażi. Interessanti kif il-Karnival, la qed nitkellmu fuqu, fl-idea komuni tal-poplu, jiġi assoċjat mat-tfal. Iżda dan fiż-żmijijiet riċenti. Mhux minn dejjem kien hekk. Il-karnival kien iservi bħala żvoġ u aljenazzjoni mir-rutina ta’ kuljum u kien mistenni qatigħ. Huwa fatt magħruf li kien hemm min japprofitta ruħu għax kien jaf li anke l-ġustizzja f’dan iż-żmien tillaxka xi ftit u kultant ukoll kienet tagħlaq għajn waħda. Dan kollu juri kemm minn dejjem il-Karnival kien festa tal-kbar għax m’għandniex xi ngħidu kien soljev u ħarba mir-realtà. U jekk taħrab mir-realtà ħafna drabi tispiċċa fil-fantasija, u din assoċjata mat-tfal l-aktar. Prinċipessi, annimali, eroj, kuluri u mitt elf ħaġa oħra li jisirqu s-simpatija u jsiru idoli taċ-ċkejknin. Imbagħad ma tonqosx ix-xewqa li jisru bħalhom u jimitawhom jekk mhux f’għemilhom tal-anqas f’ilbieshom.

Għalkemm il-Karnival huwa organizzat u intenzjonat għal kulħadd, l-organizzaturi tal-Karnival ta’ Malta minn dejjem għarfu u taw l-importanza lit-tfal u ilhom sa mill-1972 jiddedikaw Sibt il-Karnival filgħodu speċifikament għat-tfal. Mhux biss, imma dan l-aħħar ġew introdotti parati u programmi anke t-Tnejn u t-Tlieta tal-Karnival filgħodu meta t-tfal ikunu bil-vaganzi mill-iskola.

F’dawn il-programmi jipparteċipaw skejjel u gruppi ta’ żfin u allegrija mhux kompetittivi illi jkunu ilhom iħejju u jippreparaw għal bosta xhur. Interessanti kif uħud minn dawn illum saru protoganisti ewlenin fil-Karnival ta’ Malta, b’kumpaniji u karrijiet kompetittivi.

Din is-sena se mmorru lil hinn. Ser nitolbu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ dawk iċ-ċkejknin li ser ikunu magħna. F’kelma waħda, il-programm ser ikun interattiv, u mhux biss għat-tfal, imma wkoll għall-adulti li jkunu qed jakkumpanjawhom ... dejjem jekk ikunu jridu u ma jistħux! Dan kollu flimkien mal-baned, gruppi u kumpaniji Għawdxin li issa saret tradizzjoni li jkunu magħna t-Tnejn filgħodu. Din is-sena ser jerġa’ jkollna wkoll il-karettuni u l-karozzini li se jkunu tentazzjoni mhux biss biex tammirahom imma biex tieħu rikba wkoll – u ma naħsibx li se jiksrulkom qalbkom!

U aħna l-kbar ma nagħmlux ħażin li nippruvaw nimitaw liċ-ċkejknin u nħallu l-fantasija u l-ħolm jiġru bina. Għallinqas, il-karnival nutilizzawh bħala terapija u nagħtuh spazju jinterrompilna l-monotonija. Ejja nħallu l-Karnival ikisser imqar għal ftit il-fosdqa li tostor il-ħolm u l-fantasija tagħna tul il-ġranet kollha tas-sena.

Noel D'Amato