Biex il-jazz isir aktar aċċessibbli

Il-programm tas-27 edizzjoni tal-Malta Jazz Festival tħabbar illum waqt konferenza stampa fid-daħla tal-Belt Valletta. Din kienet indirizzata minn Dr Owen Bonnici, il-Ministru għall-Kultura u l-Gvern Lokali, id-Direttur tal-Festivals is-Sa Annabelle Stivala Attard, id-Direttur Artistiku tal-Festival is-Sur Sandro Zerafa u s-Sur Jason Micallef, iċ-chairman tal-Fundazzjoni Valletta 2018.

Il-Ministru Bonnici qal li l-Jazz Festival ta’ Malta sar mhux biss wieħed mill-appuntamenti tradizzjonali tal-kalendarju kulturali Malti imma wkoll wieħed mill-aktar avvenimenti mistennijin fix-xena mużikli lokali, avveniment li kull sena jattira dejjem aktar nies. Fl-aħħar snin, il-Gvern ta’ spazju u xpruna pjattaformi għall-arti, il-kultura u talent lokali b’investiment u innovazzjoni li poġġew lil dan is-settur fil-qalba tras-soċjetà Maltija u tal-attivitajiet tal-pajjiż inkluż l-ekonomija u t-turiżmu.

“L-allokazzjoni għal kultura kibret b’14% fl-aħħar budget għal total ta’ 60 miljun Ewro fost il-Gvern kollu,” qal il-Ministru Bonnici li saħaq li l-Gvern kompla jinvesti fis-settur għax jemmen li dan hu importanti għall-iżvilupp tas-soċjetà u biex is-soċjetà tagħna tkun waħda moderna u progressiva. “Dan għamilnih ukoll għax irridu li l-kultura, l-arti, il-mużika, it-teatru, iċ-ċinema u dak kollu li huwa arti u kultura fil-fatt ikunu aċċessibbli għal kulħadd, kullimkien,” kompla l-Ministru.

Id-Direttur tal-Festival qalet: “Il-Malta Jazz Festival hu l-uniku avveniment tal-kalibru tiegħu li jippromwovi u jiċċelebra l-jazz lokalment. L-avveniment fuq tlitt ijiem jinkludi fih artisti internazzjonali bi sfond uniku. Fost l-attrazzjonijiet li wieħed għandu jistenna hemm il-kollaborazzjonijiet fuq il-palk, masterclasses tal-istrumenti u workshops. Għal tlitt ijiem sħaħ, l-udjenzi se jkollhom il-pjaċir jisimgħu wħud mill-aqwa mużiċisti fid-dinja bi spettakli b’xejn fiċ-ċentru tal-Belt fl-ewwel jum tal-festival.”

Din is-sena l-festival qed jaħdem biex jagħmel il-jazz aċċessibbli għan-nies kemm jista’ jkun. Waqt il-konferenza, id-direttur artistiku Sandro Zerafa qal, “Il-Festival Malti tal-Jazz qiegħed dejjem jilħaq iktar nies għax qed joħroġ ’il barra minn Ta’ Liesse. Din is-sena jista’ jiftaħar b’mużiċisti li huma fost l-aqwa fil-jazz kontemporanju. Hemm Nicholas Payton b’taħlita ta’ djaletti differenti li għandhom dixxendenza Afrikana, Munir Hossn li se jagħti omaġġ lill-wirt mużikali Brażiljan kif ukoll Al di Meola li se joffri mużika mħallta ma’ dik latina. Iżda minbarra dan kollu, il-Festival se jinfirex fit-toroq tal-Belt u joħloq enerġija kreattiva fix-xena tal-jazz Maltija, li qiegħda dejjem tkompli tikber, bi preparazzjoni għal Valletta 2018.

“Il-festival jistinka fil-missjoni tiegħu biex jippromwovi din il-forma tal-arti kbira fid-diversità kollha tagħha u biex jistimula x-xena lokali permezz ta’ inizjattivi varji biex jilħqu nies differenti – il-jam sessions fit-toroq, kollaborazzjonijiet ma’ mużiċisti internazzjonali, masterclasses u kunċerti bla ħlas.”

Il-festival, bħas-snin li għaddew, se jinkludi wħud mill-aktar artisti tal-jazz magħrufin bħal Al di Meola, Antonio Sanchez u Mark Guiliana. Di Meola kien skoprieh l-artist magħruf tal-jazz, Chick Corea, meta kellu biss 19-il sena. Di Meola diġà daqq f’Malta fl-2012 u din is-sena se jagħlaq il-festival permezz tal-mużika tiegħu kif ukoll ta’ The Beatles u Piazzolla.

Minbarra li hu d-drummer fil-grupp ta’ Pat Metheny, Sanchez hu magħruf ukoll għall-mużika li kkompona u daqq għall-film ‘Birdman’, li għalih rebaħ Grammy u kellu nominazzjoni għal BAFTA u Golden Globe.

Guiliana, li kien id-drummer tal-aħħar album ta’ David Bowie ‘Blackstar’, se jdoqq Ta’ Liesse l-Ġimgħa mal-kwartett tal-jazz tiegħu. In-New York Times irrikonoxxietu bħala “drummer li madwaru nbena kult ta’ ammirazzjoni”.

Il-Ġimgħa filgħaxija jingħalaq minn Nicholas Payton, li t-taħlita oriġinali ta’ stili minn New Orleans, jazz kontemporanju, hip-hop u lirika mitkellma se tkun fost waħda mill-aqwa spettakli għall-festival ta’ dis-sena. Iċ-Chicago Tribune rrappurtat “is-solos ta’ Payton ma jistgħu jitwaħħlulhom l-ebda tikketta jew jitpoġġew f’kategorija, minħabba li huma oriġinali daqskemm huma teknikament b’saħħithom”.

L-artisti għall-kunċerti b’xejn tal-Ħamis, li huma megħjuna minn Valletta 2018, jikkonsistu f’wieħed mill-aqwa kitarristi Ewropej tal-jazz, Romain Pilon u Munir Hossn, li jdoqq bosta strumenti. Pilon se jdoqq mal-mistieden speċjali Walter Smith III, li hu wieħed mill-aqwa sassofonisti li hawn bħalissa.

Hossn se jpaxxi lil dawk li jħobbu l-mużika Brażiljana permezz tal-album tiegħu li hu fuq stil Jazz Pop Brażiljan. L-album ‘Made in Nordeste’ jagħti laqta kontemporanja lill-mużika u r-ritmi tar-reġjun Grigaljan tal-Brażil, minn fejn ġej l-artist. Il-kunċert tiegħu jagħlaq bil-briju l-avvenimenti b’xejn tal-Ħamis.

Id-Direttur Artistiku semma kif il-festival jappoġġja x-xena lokali u jħeġġeġ kollaborazzjonijiet bejn mużiċisti Maltin ma’ dawk barranin. It-tliet spettakli Maltin kollha se jkollhom kollaborazzjoni ma’ artisti internazzjonali. L-artisti Maltin huma Nadine Axisa, li se tkanta ma’ Rino Cirinnà u Stjepko Gut; is-sassofonist Carlo Muscat, li se jdoqq ma’ Burak Bedikyan u l-pjanist Joe Debono, li se jikkollabora ma’ Yoni Zelnik u Fred Pasqua.

Iċ-Chairman ta’ Valletta 2018 żied jgħid: “Għal darb’oħra, il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tappoġġja l-Malta Jazz Festival – wieħed minn serje ta’ festivals imtella’ mill-Kunsill tal-Arti – li jiċċelebra t-talent mużikali lokali u internazzjonali fil-qasam tal-jazz. Il-festival jiffoka fost l-oħrajn fuq l-iżvilupp tat-talent b’serje ta’ attivatijiet anke fil-qalba tal-Belt u li jsarrfu fil-legat ta’ Valletta 2018”.

Aktar dettalji dwar il-Jazz on the Fringe u l-masterclasses jingħataw ’il quddiem. Il-biljetti jinxtraw minn https://www.showshappening.com/Arts-Council-Malta/Malta-Jazz-Festival-2017. Żur www.maltajazzfestival.org għal aktar tagħrif.

Il-Malta Jazz Festival hu mtella’ minn Festival Malta fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u Valletta 2018; u hu megħjun minn Cyberpass, MSV Life, Phoenicia u MTA.

 

IL-PROGRAMM

 

Il-Ħamis 20 ta’ Lulju (Spettaklu bla ħlas bl-għajnuna ta’ Valletta2018) 

Fid-daħla tal-Belt Valletta fit-8pm

Romain Pilon feat. Walter Smith III

Pjazzu Teatru Rjal, il-Belt Valletta

Nadine Axisa feat. Rino Cirinnà u Stjepko Gut

Quddiem il-Qorti, il-Belt Valletta

Munir Hossn ‘Made in Nordeste’

  

Il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju

Ta’ Liesse, il-Belt Valletta fit-8pm

Joe Debono Trio

Mark Guiliana Jazz Quartet

Nicholas Payton ‘Afro Caribbean Mixtape’

 

Is-Sibt 22 ta’ Lulju

Ta’ Liesse, il-Belt Valletta fit-8pm

Carlo Muscat feat. Burak Bedikyan

Antonio Sanchez and ‘Migration’

Al di Meola ‘World Sinfonia’ – “Music of Di Meola, Piazzolla & Lennon-McCartney”

 

Prezzijiet tal-biljetti

€30 għal biljett ta’ jum – bilqiegħda (VIP)

€50 għal biljett ta’ jumejn – bilqiegħda (VIP)

€20 għal biljett ta’ jum – bilwieqfa (ikun hemm siġġijiet b’xejn disponibbli)

€35 għal biljett ta’ jumejn – bilwieqfa (ikun hemm siġġijiet b’xejn disponibbli)

Biljetti skontati li jinsabu għall-bejgħ mill-31 ta’ Marzu 2017

€25 flok €30 għal biljett ta’ jum – bilqiegħda (VIP)

€40 flok €50 għal biljett ta’ jumejn – bilqiegħda (VIP)

€30 flok €35 għal biljett ta’ jumejn – bilwieqfa (ikun hemm siġġijiet b’xejn disponibbli)