Il-Malta International Arts Festival (MIAF) reġa’ ingħata l-label Europe for Festivals, Festivals for Europe (EFFE) għat-tieni sena. Dan il-label jindika l-impenn artistiku tal-festival u l-kontribut tiegħu lejn is-soċjeta’ bi programm li jinkludi wkoll artisti internazzjonali.

Il-Malta International Arts Festival 2018 hija edizzjoni speċjali għaliex hija parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt Kapital Ewropea tal-Kultura. Il-festival ser isir mid-29 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Lulju. Id-Direttur ta’ Festivals Malta qalet li “Ninsabu kburin inhabbru li l-Malta International Arts Festival, li sar avveniment importanti fil-kalenderju tal-kultura, reġa’ ingħata l-label EFFE għat-tieni darba. Il-festival jippromwovi l-liberta’ tal-espressjoni artistika b’programm li jinkludi diversi ġeneri ta’ arti u jinvesti kemm fl-artisti kif ukoll fl-udjenza”.

Minbarra l-element ta’ ċelebrazzjoni, il-festival jinvolvi aspetti umanitarji u politiċi. Dan jinkludi il-ġurnalista fotografika Reza Deghati ‘Exile Voices’, storja tar-refugjati mitqala mir-refuġjati stess, flimkien max-xogħol profond tal-fotografi Darrin Zammit Lupi u Charles Mifsud li jitrattaw l-qagħda mwiegħra tar-refuġjati. Il-koreografu-kompożitur Iżrael Hofesh Shechter se jkun qed itella’ x-xogħol mill-aktar magħruf, Political Mother. Il-gazzetta Ingliża The Guardian tirraporta dan ix-xogħol bħala “xogħol li huwa għal kulħadd”.

Id-Direttur Artistiku ta’ dan il-festival, Michelle Castelletti qalet li “l-Arti għandha effett qawwi fuq il-ħajja tal-bniedem, u aħna għandna l-qawwa li nagħmlu d-differenza. Għaldaqstant, il-festival ta’ din is-sena iħares lejn il-ħafna uċuħ tal-Mediterran:kulur, diversita’, passjoni, ċelebrazzjoni, u l-umanita’”.

Il-festival jemmen fl-edukazzjoni u t-trawwim tat-talenti u din is-sena se joffri diversi opportunitajiet għall-artisti. Il-Malta Youth Orchestra se tkun qed taħdem id f’id ma’ waħda mill-aqwa orkestri ‘Royal Concertgebouw Orchestra’, ser jittellaw masterclasses ma’ Hofesh Shechter u Kamea Dance Company, workshops għat-tfal, workshops ma’ Clare College Cambridge Choir u Dance Hybrid fost oħrajn. 

Il-programm vast tal-festival jiċċelebra kull forma ta’ arti, minn żfin minn kumpanija Taljana ‘No Gravity’, xogħol ġdid tal-kittieb Malti Immanuel Mifsud imħawwar max-xogħol ta’artisti viżivi lokali Vince Briffa u Paul Portelli u l-mużiċist Kris Spiteri. Din is-sena infakkru l-100 sena anniversarju mill-mewt ta’ Debussy. B’hekk, il-mużika tiegħu se tiġi ċċelebrata f’diversi kunċerti kif ukoll viżwalment f’esibizzjoni ta’ Kenneth Żammit Tabona li ġġib l-isem ta’ Watercolour Madness

Il-festival iservi ta’ pjattaforma għal artisti minn kull ġeneru ta’ arti: Teatru fit-toroq, żfin, mużika, arti viżwali, ċinematografija, spettaklu ta’ pupazzi u esperjenzi artistiċi oħrajn minn artisti lokali madwar it-toroq tal-Belt Valletta. 

Dan huwa biss kampjun mill-programm artistiku ppreparat għal din l-edizzjoni. Għal iktar informazzjoni, żur is-sit www.maltaartsfestival.org