IR-REGOLAMENTI ĠENERALI GĦALL-KOMPETIZZJONIJIET TAL-PRESEPJI

 1.     Il-Kunsill Malti għall-Arti qed iniedi dawn il-Kompetizzjonijiet tal-Presepji għall-Milied 2017:

     a.     Il-Kompetizzjoni Numru 1  -  il-Presepju Mekkaniku

     b.     Il-Kompetizzjoni Numru 2  - il-Presepju Kbir Statiku Stil Bibliku

     c.     Il-Kompetizzjoni Numru 3  -  il-Presepju Kbir Statiku Stil Ieħor

     d.     Il-Kompetizzjoni Numru 4  -  il-Presepju  Mezzan (ta’ qies medju)

     e.     Il-Kompetizzjoni Numru 5  -  il-Presepju  Żgħir

     f.     Il-Kompetizzjoni Numru 6 -  il-Presepju  Oriġinali

 

2.     F’dawn il-kompetizzjonijiet m’għandu qatt jintuża s-sagħtar u / jew il-pjanti u / jew xi xorta ta’ materjal ieħor ipprojbit mil-liġi. Kull min ma jimxix ma’ dan ir-regolament ikun skwalifikat mill-kompetizzjoni relattiva.

 

3. Kull min jieħu sehem f’xi waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet għandu jindika fuq il-formola tal-applikazzjoni l-post fejn ikun qed jintrama l-presepju. 

 

4.   Kull presepju jrid ikun miftuħ għall-pubbliku mill-Ġimgħa, 15 ta’ Diċembru 2017,  sat-Tnejn, l-1 ta’ Jannar 2018.  Il-ħin tal-ftuħ għall-wiri għandu jkun mill-5:00 sat-8:00 ta’ filgħaxija tul il-ġranet kollha msemmija. Kull    applikant jista’ jżomm il-post tal-wiri miftuħ f’ħinijiet itwal u / jew ġranet aktar milli mitlub.

 

5.   F’kull belt jew raħal li fiha jkun hemm xi presepju li  jkun daħal f’xi waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet, għandha titwaħħal strixxa drapp (banner), kartellun jew mezz ieħor bil-kelmtejn: PRESEPJU / CRIB biex juri fejn ikun armat għall-wiri.  Jitnaqqsu xi punti kull fejn dawn is-sinjali ma jkunux prominenti kif suppost. Kull permess neċessarju mill-awtoritajiet kompetenti għat-twaħħil / tqegħid ta’ dawn is-sinjali huwa responsabbiltà tal-applikant.

 

6.     Id-dħul għall-wiri tal-presepju għandu jkun bla ħlas, iżda hu permess li jitpoġġa xi reċipjent viċin il-presepju għad-donazzjonijiet tal-pubbliku.

 

7.     Il-presepji rreġistrati għal dawn il-kompetizzjonijiet, li jkunu b’xi mod jew ieħor qed jieħdu sehem ukoll f’xi esebizzjoni jew parti minn kollezzjoni ta’ presepji f’xi lokal, għandhom jitpoġġew f’post prominenti fejn ikunu esebiti. Dawn għandhom ikunu mmarkati b’tabella bil-kliem: KOMPETIZZJONI NAZZJONALI TAL-PRESEPJI u bl-indikazzjoni ċara ta’ isem il-parteċipant u l-kategorija tal-kompetizzjoni li fiha jkun qed jieħu sehem l-applikant.

 

8.     Il-Ġurija għandha d-dritt  ma tagħtix il-premjijiet jekk skont il-ġudizzju tagħha ma jkunx intlaħaq il-livell meħtieġ. F’kull każ id-deċiżjonijiet tagħha jkunu finali u inappellabbli.

 

9.     Il-membri kollha tal-Ġurija għandhom id-dritt li jżuru l-presepji kemm-il darba jixtiequ fil-ġranet u l-ħinijiet

imsemmija għall-wiri. Jistgħu wkoll jieħdu ritratti u / jew filmati tal-presepju jew partijiet minnu, kemm huma stess  jew bis-saħħa ta’ fotografu mqabbad apposta.

 

10.  Kull applikant għandu jissottometti l-qisien eżatti tal-presepju li jdaħħal għall-kompetizzjoni kif stipulat fl-istess formola tal-applikazzjoni.

 

11.   Mal-applikazzjoni, l-applikant ikun qed jagħti kunsens li l-isem tiegħu, l-indirizz tal-post fejn qed issir il-wirja, u n-numru tat-telefown jistgħu jiġu ppubblikati għall-interess tal-pubbliku ġenerali.

 

12.  Jekk applikant jirreġistra l-presepju f’kompetizzjoni, iżda l-Ġurija ssib li joqgħod ma’ kompetizzjoni differenti, tista’ tikkonsidra l-iskwalifika tiegħu.

 

13.  L-applikazzjonijiet fuq il-formola preskritta, kompluti b’mod ċar bid-dettalji kollha mitluba, għandhom jitwasslu bl-idejn flimkien mal-ħlas ta’ €5.00 sa mhux aktar tard mill-11:00AM tat-Tnejn, 11 ta’ Diċembru 2017 fl-uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Arti, 16 “Casa Scaglia”, Triq MA Vassalli, il-Belt Valletta.   L-ebda applikazzjoni ma tkun aċċettata jekk tasal wara dan il-ħin tal-ġurnata msemmija.

 

IR-REGOLAMENTI PARTIKOLARI GĦAL KULL KOMPETIZZJONI

IL-KOMPETIZZJONI NUMRU 1 – IL-PRESEPJU MEKKANIKU

 

1.   Il-Ġurija fil-verdett tagħha żżomm f’moħħha dawn il-punti:

     a.   Il-qies tal-presepju għandu jkun mhux anqas minn 3 metri kwadri (area 3m²);

     b.     In-numru tal-pasturi jiċċaqilqu b’movimenti naturali għandu jkun mhux anqas minn 12-il wieħed. Il-pasturi, in-nagħaġ, u l-annimali l-oħra mwaħħla fuq ċinga miexja jitqiesu bħala pastur wieħed. L-anġli u l-għasafar jitqiesu wkoll bħala oġġett wieħed;

     c.vL-ilma ġieri, l-imtieħen, is-swieni, u l-varjazzjonijiet fuq id-dwal ma jitqisux bħala movimenti, iżda bħala parti mix-xenarju ġenerali tal-presepju;

     d.   Jista’ jintuża kull tip ta’ materjal għall-presepji f’din il-kompetizzjoni, barra dak projbit mil-liġi kif imsemmi fir-regolamenti ġenerali.

 

2.   Kull membru tal-Ġurija individwalment jagħti l-punti fuq dawn il-kriterji:

     a.   l-oriġinalità;

     b.   il-pożizzjoni tal-grotta u l-ambjent ta’ madwarha;

     c.   l-artistrija fil-bini u l-irfinar tax-xogħol;

     d.   it-tqassim u l-konsistenza fl-istil tal-pasturi – tingħata konsiderazzjoni xierqa lill-pasturi maħdumin lokalment;

     e.   l-atmosfera maħluqa permezz tad-dwal, tal-mużika u / jew tar-rakkonti li jinstemgħu waqt il-wirja;

     f.   id-dehra ġenerali.

 

3.   Il-premjijiet għal din il-kompetizzjoni huma: l-ewwel premju: €250, it-tieni premju: €200, it-tielet premju: €150      

 

IL-KOMPETIZZJONI NUMRU 2 – IL-PRESEPJU KBIR STATIKU STIL BIBLIKU

1.   Il-Ġurija fil-verdett tagħha żżomm f’moħħha dawn il-punti:

     a.   Il-qies tal-presepju għandu jkun mhux anqas minn 3 metri kwadri (area 3m²);

     b.   Il-presepji f’din il-kompetizzjoni m’għandux ikollhom movimenti għajr forsi il-mitħna ddur u / jew l-ilma ġieri;

     c.   Jista’ jintuża kull tip ta’ materjal għall-presepji f’din il-kompetizzjoni, barra dak projbit mil-liġi kif imsemmi fir-regolamenti ġenerali.

 

2.   Kull membru tal-Ġurija individwalment jagħti l-punti fuq dawn il-kriterji:

      a.   l-oriġinalità u fl-istess ħin, il-lealtà lejn it-tradizzjoni u ambjent bibliku li jmur lura 2,000 sena; hekk kif immaġinat u ppreżentat mill-artist fil-presepju tiegħu;

      b.    il-pożizzjoni u l-importanza tal-grotta;

      c.   l-artistrija fil-bini u l-irfinar tax-xogħol;

      d.    it-tqassim u l-konsistenza fl-istil tal-pasturi tal-epoka biblika – tingħata konsiderazzjoni xierqa lill-pasturi maħdumin lokalment;

      e.   l-atmosfera maħluqa permezz tad-dwal, tal-mużika u / jew tar-rakkonti li jinstemgħu waqt il-wirja;

      f.   id-dehra ġenerali.

 

3.  Il-premjijiet għal din il-kompetizzjoni huma: l-ewwel premju: €230, it-tieni premju: €180, it-tielet premju: €140.

 

IL-KOMPETIZZJONI NUMRU 3 – IL-PRESEPJU KBIR STATIKU STIL IEĦOR

1.  Il-Ġurija fil-verdett tagħha żżomm f’moħħha dawn il-punti:

      a.  Il-qies tal-presepju għandu jkun mhux anqas minn 3 metri kwadri (area 3m²);

      b. il-presepji f’din il-kompetizzjoni m’għandux ikollhom movimenti għajr forsi il-mitħna ddur u / jew l-ilma ġieri;

      c.  Jista’ jintuża kull tip ta’ materjal għall-presepji f’din il-kompetizzjoni, barra dak projbit mil-liġi kif imsemmi fir-regolamenti ġenerali.

 

2.  Kull membru tal-Ġurija individwalment  jagħti l-punti fuq dawn il-kriterji:

      a.   l-oriġinalità u fl-istess ħin, il-mod frisk u artistiku ta’ kif tkun qed tiġi trattata n-natività u l-ambjent ta’ madwarha fil-presepju. F’din il-kategorija jaqgħu wkoll il-presepji stil Naplitan u oħrajn simili li jvarjaw minn dak bibliku;

      b.  il-pożizzjoni u l-importanza tax-xena tan-natività;

      c.  l-artistrija fl-istil u l-irfinar tax-xogħol;

      d.  it-tqassim, l-artistrija, u l-konsistenza fl-istil tal-pasturi – tingħata konsiderazzjoni xierqa lill-pasturi maħdumin lokalment;

      e.  l-atmosfera maħluqa permezz tad-dwal, tal-mużika u / jew tar-rakkonti li jinstemgħu waqt il-wirja;

      f.  id-dehra ġenerali.

 

3.  Il-premjijiet għal din il-kompetizzjoni huma: l-ewwel premju: €230, it-tieni premju: €180, it-tielet premju: €140.

 

IL-KOMPETIZZJONI NUMRU 4 – IL-PRESEPJU TA’ QIES MEDJU (MEZZAN)

1.  Il-Ġurija fil-verdett tagħha żżomm f’moħħha dawn il-punti:

      a.  l-qies tal-presepju għandu jkun: bħala faċċata bejn 90ċm u 150ċm u bejn 60ċm u 100ċm fond.

      b.  Jista’ jintuża kull tip ta’ materjal għall-presepji f’din il-kompetizzjoni, barra dak projbit mil-liġi kif imsemmi fir-regolamenti ġenerali.

 

2.  Kull membru tal-Ġurija  individwalment  jagħti l-punti fuq dawn il-kriterji:

      a.  l-oriġinalità;

      b.  il-pożizzjoni tal-grotta u l-ambjent ta’ madwarha;

      c.  l-artistrija fil-bini u l-irfinar tax-xogħol;

      d.   it-tqassim u l-konsistenza fl-istil tal-pasturi – tingħata konsiderazzjoni xierqa lill-pasturi maħdumin lokalment;

      e. l-atmosfera maħluqa permezz tad-dwal, tal-mużika u / jew tar-rakkonti li jinstemgħu waqt il-wirja;

      f.  id-dehra ġenerali.

 

3.  Il-presepji f’din il-kompetizzjoni jistgħu jitpoġġew wara xi apertura tal-ħġieġ b’mod li jkunu jidhru faċilment mit-triq.

 

4. Il-premjijiet għal din il-kompetizzjoni huma: l-ewwel premju: €180,  it-tieni premju: €120,  it-tielet premju: €90.

 

IL-KOMPETIZZJONI NUMRU 5  – IL-PRESEPJU ŻGĦIR

1. Il-Ġurija fil-verdett tagħha żżomm f’moħħha dawn il-punti:

      a.  Il-qies tal-presepju għandu jkun mhux iżjed minn 90ċm faċċata u mhux iżjed minn 60ċm fond.

      b.  Jista’ jintuża kull tip ta’ materjal għall-presepji f’din il-kompetizzjoni, barra dak projbit mil-liġi kif imsemmi fir-regolamenti ġenerali.

 

2.  Kull membru tal-Ġurija  individwalment  jagħti l-punti fuq dawn il-kriterji:

      a.  l-oriġinalità;

      b.   il-pożizzjoni tal-grotta u l-ambjent ta’ madwarha;

      c.  l-artistrija fil-bini u l-irfinar tax-xogħol;

      d.  it-tqassim u l-konsistenza fl-istil tal-pasturi – tingħata konsiderazzjoni xierqa lill-pasturi maħdumin lokalment;

      e.  l-atmosfera maħluqa permezz tad-dwal, tal-mużika u / jew tar-rakkonti li jinstemgħu waqt il-wirja;

      f.  id-dehra ġenerali.

 

3.  Il-presepji f’din il-kompetizzjoni jistgħu jitpoġġew wara xi apertura tal-ħġieġ b’mod li jkunu jidhru faċilment mit-triq.

 

4.  Il-premjijiet għal din il-kompetizzjoni huma: l-ewwel premju: €150,  it-tieni premju: €100,  it-tielet premju: €70.

 

IL-KOMPETIZZJONI NUMRU 6  – IL-PRESEPJU ORIĠINALI

 

1.  Il-presepju f’din il-kompetizzjoni jrid ikun:

      a.  Juri xena marbuta ma’ żmien il-Milied imma mhux in-natività. Il-ġrajja tal-Milied hija meqjusa mit-

tħabbira tal-Anġlu sal-Magħmudija ta’ Kristu. Eżempju tas-suġġett prinċipali tal-presepju jista’ jkun: il-viżitazzjoni, l-adorazzjoni tal-Maġi, it-tħabbira lir-rgħajja, il-qtil tal-martri innoċenti, il-familja mqaddsa, il-predikazzjoni mad-dutturi, il-preżentazzjoni fit-tempju, eċċ.

U / JEW

      b.  b’estetika u / jew preżentazzjoni innovattiva u kreattiva (bħal  pereżempju: użu ta’ materjal riċiklat, projections – 3D mapping, ganutell, antaċċoli, eċċ)

 

2.  Jista’ jintuża kull tip ta’ materjal għall-presepji f’din il-kompetizzjoni, barra dak projbit mil-liġi kif imsemmi

fir-regolamenti ġenerali.

 

3.          Il-qies tal-presepju m’għandux ikun iżjed minn 150ċm faċċata u mhux iżjed minn 100ċm fond.

 

4.  Il-punteġġ mill-Membri tal-Ġurija jingħata fuq dawn il-kriterji:

      a.  kif trattat is-suġġett magħżul (originalità, immaġinazzjoni, u kreattività);

      b.  l-espressjoni artistika fil-preżentazzjoni tax-xogħol;

      c.  l-innovazzjoni, l-artistrija, u l-irfinar tax-xogħol;

      d.  it-tqassim, il-proporzjon, u l-konsistenza fl-istil tax-xogħol;

      e.  l-atmosfera maħluqa permezz tad-dwal, tal-mużika u / jew tar-rakkonti li jinstemgħu waqt il-wirja;

      f.  id-dehra ġenerali.

 

5.  Il-premjijiet għal din il-kompetizzjoni huma:  l-ewwel premju: €170,  it-tieni premju: €110,  it-tielet premju:

€80.