Festivals Malta

News

Karnival 2017: pass bogħod mill-ħolma li l-Proġett tal-Karnival isir realtà

Il-Programm taċ-ċelebrazzjoni tal-Karnival għal din is-sena tħabbar waqt konferenza stampa li saret illum fi Pjazza Teatru Rjal il-Belt Valletta, li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici, id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala Attard, id-Direttur Artistiku għall-Karnival f’Malta Jason Busuttil u s-Sur Jason Micallef, iċ-Chairman għall-Fundazzjoni Valletta 2018.

Il-Karnival ta’ din is-sena se jibqa’ mfakkar mal-parteċipanti tal-Karnival għall-ħolma li ilha snin sħaħ tistenna biex titwettaq – dik tal-Proġett tal-Karnival. Il-Malta Carnival Experience se jibda jinbena fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif il-permessi tal-ippjanar ġew kollha approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u bħalissa għaddej ix-xogħol preparatorju neċessarju.

Fid-diskors tiegħu waqt il-konferenza, il-Ministru qal li “huwa ta’ sodisfazzjon kbir li sena wara l-oħra qegħdin naraw innovazzjonijiet u xogħol li jibni fuq is-suċċessi tas-snin li għaddew, frott il-ħidma tad-dilettanti u l-artisti, flimkien mal-organizzaturi li jwasslulna l-kuluri u l-briju ta’ dawn il-jiem. Bħala Ministeru u Gvern se nkomplu naħdmu biex nappoġġaw it-talent Malti, fosthom dawk li jaħdmu l-karrijiet, maskeruni, maskri u kostumi, iż-żeffiena u parteċipanti, id-dilettanti u l-artisti tal-arti performattiva u l-mużika, u wkoll lil dawk li għandhom sehem fl-organizzazzjoni ta’ din il-festa, li bit-talenti varji tagħhom iwasslulna attività li tgħaqqadna u tferraħna bħala komunità. Id-dilettanti tal-Karnival illum qed iħarsu bil-quddiem lejn tmiem il-ħidma tal-Proġett tal-Karnival li permezz tiegħu artisti differenti se jkunu jistgħu jaħdmu qrib xulxin u b’hekk inkomplu nagħtu nifs ġdid lill-Karnival.”

Id-Direttur Artistiku kompla jispjega li l-Proġett tal-Karnival hu “proċess li ħa tliet snin, bi studju serju u b’dedikazzjoni minn kulħadd. Dan il-proġett hu ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea (ERDF) u għalhekk dan ifisser li min-naħa tagħna rridu nżommu mar-regoli stipulati. L-għan prinċipali huwa li dan il-ċentru tal-karnival jinżamm ħaj b’attivitajiet tul is-sena kollha f’dik li hija l-Carnival Experience. Żgur li se tisimgħu aktar fid-dettall ’il quddiem dwar l-għan ta’ dan iċ-ċentru u villaġġ”.

Żied jgħid kif f’Mejju Malta se tkun qed torganizza għar-raba’ darba l-Konvenzjoni Annwali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Bliet tal-Karnival, fejn se tilqa’ delegati mill-bliet membri ġejjin minn madwar 20 pajjiż.

Dwar il-Karnival innifsu Busuttil spjega kif din is-sena se tara żieda fit-tiġdid ta’ tradizzjonijiet karnivaleski li kienu naqsu matul iż-żmien bħall-parteċipazzjoni ta’ baned u karrettuni u karrozzini dekorati. Fl-istess waqt is-satira wkoll qiegħda taqbad iktar ritmu.

“Is-satira żdiedet bil-bosta u peress li Malta ħadet il-Presidenza tal-Unjoni Ewopea se jkollna karru satiriku apposta wkoll maħdum mill-Maltin u b’disinn tal-kartunista magħruf Steve Bell,” żied Busuttil. “Il-Karnivali fl-irħula qed jiżdiedu u b’hekk il-parteċipazzjoni madwar Malta fil-Karnival tinfirex. Hemm titjib fil-preżentazzjonijiet tal-attivitajiet prinċipali ukoll.”

Id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala Attard sostniet, “Hemm ħidma kbira sabiex il-Karnival u t-talenti marbutin ma’ din il-festa jibqgħu dejjem jissaħħu, filwaqt li nappoġġaw lil dawk kollha li b’xi mod jagħtu sehemhom. Qed nikkollaboraw ma’ entitajiet oħra bħal Valletta 2018 u Esplora biex ninvestu aktar f’attivatijiet interattivi li jġiegħlu lil min qed jattendi jħossu parti integrali mill-Karnival.”

Jason Micallef, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 kompla magħha, “Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tkompli tinvesti fil-Karnival b’mod partikolari fejn tidħol il-kwalità tal-attivitajiet u anke n-numru ta’ attivitajiet li qed isiru mhux biss fil-Belt Valletta imma anke lil hinn.”

Il-Karnival se jasal ukoll saċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza fil-Kalkara permezz ta’ Carnival@esplora. “Esplora jemmen li x-xjenza hi parti integrali ta’ dak kollu li jiġri madwarna u waħda mill-għanijiet taċ-Ċentru hi li jnaqqas id-distakk bejn il-kultura u x-xjenza. Għalhekk nhar it-18 u d-19 ta’ Frar filgħodu se jingħataw taħditiet qosra dwar il-fiżika, l-inġinerija u l-mekkanika meħtieġa biex jinbena karru tal-Karnival. Matulhom se jkun hemm żewġ karrijiet preżenti. Se jkun hemm ukoll żewġ workshops interattivi fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jpinġu maskri tal-Karnival, jagħmlu mudelli bit-tafal u jesploraw il-kimika tal-minerali tat-tafal,” qal Elton Micallef, Viċi Direttur għall-Iżvilupp tal-Programmi u Edukazzjoni. Għal aktar tagħrif, ħinijiet tal-ftuħ u prezzijiet żur il-paġna ta’ Facebook: Esplora Interactive Science Centre. 

Il-Karnival jiftaħ nhar il-Ħamis 23 ta’ Frar fi Pjazza Teatru Rjal biċ-ċerimonja u d-diskorsi tal-ftuħ. Wara ssir wirja tal-kostumi li se jikkompetu fil-Karnival. Mill-għada sat-28 ta’ Frar ikun hemm l-isfilati u l-kompetizzjonijiet tal-kumpaniji taż-żfin kif ukoll tal-karrijiet.

Din is-sena għall-ewwel darba, is-Sibt wara li tispiċċa l-isfilata għall-ħabta tat-8pm tibda serata fi Pjazza San Ġorġ bit-teatru tat-triq “B’Tal-Linja Jaqbillek”, il-Qarċilla, kif ukoll wirja ta’ karrozzini u karrettuni mżejna u baned tradizzjonali.

Il-Ħadd filgħodu, wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, se jkun hemm il-Parata tal-Baned tal-Karnival fil-Ħamrun. Dakinhar se jkun hemm mill-inqas ħames baned idoqqu fit-toroq Ħamruniżi. Il-briju se jkun akkumpanjat minn għadd ta’ karrijiet.

It-Tnejn u t-Tlieta filgħodu jsiru l-parati madwar il-Belt Valletta minn bosta skejjel taż-żfin.  It-Tlieta filgħaxija imbagħad jintemm il-Karnival b’defilè grandjuż fi Triq Sant’Anna fil-Furjana

Il-Karnival se jsir ukoll f’dawn il-lokalitajiet bil-ħidma u inizjattiva tal-kunsilli lokali: Ħaż-Żabbar, Ħal Għaxaq, Ħal Qormi, San Ġiljan, Ħad-Dingli u n-Naxxar.

Min jixtieq igawdi bilqiegħda l-attivitajiet ta’ Pjazza San Ġorġ, jista’ jixtri l-biljetti minn https://www.showshappening.com/ L-istess attivitajiet se jixxandru live fuq TVM is-Sibt filgħodu, il-Ħadd bejn is-2pm u t-8pm u t-Tlieta bejn is-6pm u d-9.30pm.

Aktar tagħrif dwar uħud mill-attivitajiet

Il-Qarċilla

Il-Qarċilla ta’ din is-sena miktuba minn Immanuel Mifsud, għandha l-produzzjoni ta’ Joseph Galea u x-xhieda taż-żwieġ huma Daphne u Glenn. Erba’ snin ilu d-Dipartiment tal-Malti fl-Università reġa’ qajjem din it-tradizzjoni karnivaleska li l-ewwel referenza għaliha tmur lura għall-1760.

B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur!

L-ispettaklu tat-triq, li dar Malta u Għawdex is-sajf li għadda fuq xarabank antik tipiku Malti se jżur il-karnivali tal-bliet kapitali u jinkludi ż-żewġ atturi veterani Mary Rose Mallia u Josette Ciappara, b’Mallia tkun il-kaptan tal-karozza tal-linja.

Dan id-dramm inkiteb minn Simon Bartolo u għandu d-direzzjoni u l-produzzjoni ta’ Sean Buhagiar. L-ispettaklu se jsir is-Sibt fil-25 ta’ Frar fid-9pm fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta u l-għada l-Ħadd fit-3pm fuq il-Palk tal-Karnival fir-Rabat matul il-Karnival uffiċjali ta’ Għawdex.

Triq it-Taraġ

L-artisti u r-residenti tad-DuwiBalli se jingħaqdu biex jiċċelebraw u jirrakkuntaw il-ħajja ta’ din il-parti tal-Belt. Ir-residenti jingħaqdu mal-artista Taljana Federica Terracina u l-veteran tal-karnival Godwin Scerri sabiex joħolqu atmosfera ta’ briju popolari. L-attività tinkludi qari ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ Jean Paul Borg, ispirati minn stejjer ta’ persuni li joqogħdu fid-DuwiBalli. Ir-ritratti se jittieħdu mir-resident Osea Tabone u se jintwerew fit-triq.

Dan l-avveniment se jsir il-Ħadd, fis-26 ta’ Frar fit-8.30pm u l-għada 27 ta’ Frar fl-10am. ‘Triq it-Taraġ’ tagħmel parti minn ‘Ġewwa Barra’ - proġett tal-komunità tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Il-pubbliku mistieden jattendi.

 

Il-Programm

Il-Ħamis 23 ta’ Frar

5.30pm Ċerimonja tal-Ftuħ – Karnival 2017 fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta

Il-Ġimgħa 24 ta’ Frar

5.30pm Kompetizzjonijiet taż-Żfin fi Pjazza San Ġorġ u sfilata bil-parteċipazzjoni tal-Karru tar-Re tal-Karnival, karrijiet satiriċi, maskri grotteski u karrijiet tal-kumpaniji taż-żfin Kategorija ‘A’ (il-biljetti jiswew €5)

Is-Sibt 25 ta’ Frar

9.30am: Karnival tat-Tfal fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta (il-biljetti jiswew €5)

3pm: Kompetizzjonijiet taż-Żfin u Sfilata fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta (il-biljetti jiswew €10) 

7pm: Il-Folklor tal-Karnival - programm li jinkludi l-Qarċilla, “B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur”, wirja ta’ karrettuni u karrozzini, il-banda Maltija u ħafna aktar fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta

Il-Ħadd 26 ta’ Frar

9.30am: Il-Parata tal-Baned tal-Karnival fi Triq il-Kbira San Ġużepp, fil-Ħamrun

1pm: Sfilata bil-karrijiet f’Misraħ Kastilja, Triq il-Merkanti, Pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

2.30pm Special Sunday afternoon Carnival Gran Show fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta (il-biljetti jiswew €12)  

8.30pm ‘Triq it-Taraġ’ fid-DuwiBalli, il-Belt Valletta

It-Tnejn 27 ta’ Frar

10am: Parata minn diversi skejjel u gruppi taż-żfin u wara żfin fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.

10am Triq it-Taraġ fid-DuwiBalli, il-Belt Valletta

4pm: Kompetizzjonijiet taż-Żfin u sfilata fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta (il-biljetti jiswew €7) 

It-Tlieta 28 ta’ Frar

10am: Parata minn diversi skejjel u gruppi taż-żfin u wara żfin fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta

6pm: Gran Finale fi Triq Sant’Anna, il-Furjana bil-parteċipazzjoni tal-karrijiet kollha u briju ġenerali