Il-Festival Internazzjonali tal-Arti Malti ħareġ tliet sejħiet għall-applikazzjonijiet għal individwi interessati li jaħdmu f’oqsma artistiċi differenti. Ix-xogħlijiet tal-artisti magħżulin se jittellgħu u jiġu esebiti Lulju li ġej. 

SEJĦA GĦAL PARTITURI MUŻIKALI

Il‑Festival Internazzjonali tal‑Arti Malti f’kollaborazzjoni ma’ London Sinfonietta

Għall‑festival li jmiss, il‑Festival Internazzjonali tal‑Arti Malti ħoloq residenza ma’ waħda mill‑esponenti prinċipali tal‑mużika kontemporanja, jiġifieri l‑London Sinfonietta. Wara sejħa għal kompożizzjonijiet, il‑Prinċipali tal‑Vjolin u l‑Vjola ta’ London Sinfonietta, Jonathan Morton u Paul Silverthorne, flimkien mal‑vjolinist Daniel Pioro u l‑vjolinċellista Lionel Handy, se jaħdem ma’ grupp ta’ kompożituri biex isir workshop sabiex idaħħlu kompożizzjonijiet ġodda għal kwartett tal‑kordi. Fil-5 ta’ filgħaxija se jkun miftuħ għall-pubbliku sabiex ikun jista’ jesperjenza l-frott ta’ dawn il-ħiliet artistiċi.

Din hija opportunità rari għall‑kompożituri Maltin, jew għall‑kompożituri li jgħixu Malta, biex jissottomettu xogħol għal kwartett tal‑kordi (tul massimu ta’ 7 minuti). Żewġ kompożizzjonijiet jew tlieta se jintagħżlu biex isir workshop fuqhom mal-mużiċisti, flimkien mal-konduttur, f’sessjoni miftuħa mmexxija mil-London Sinfonietta. Se jkun hemm ukoll sessjoni informali li fiha x‑xogħol magħżul se jissemma’ fil‑pubbliku. Kemm il‑workshop kif ukoll il‑prestazzjoni se jsiru fis‑6 ta’ Lulju 2017, f’Esplora.

Biex tapplika, jekk jogħġbok ibgħat verżjoni PDF tax‑xogħol tiegħek lid‑Direttur Artistiku Dr Michelle Castelletti fuq michelle.castelletti@maltaartsfestival.org sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Mejju, 2017. It‑titlu tal‑email għandu jkun MIAF 2017: Call for Scores. Il‑festival u l‑London Sinfonietta għandhom id‑dritt li ma jagħżlu l‑ebda xogħol għal din il‑prestazzjoni. 

SEJĦA GĦALL‑ARTISTI

Prestazzjoni/installazzjoni speċifika għall‑post

EXPLORE...THINK...IMAGINE...CREATE! hija kollaborazzjoni ma’ Esplora (www.esplora.org.mt) li għandha l‑għan li toħloq jum multidixxiplinarju u interattiv ibbażat fuq il‑proposti tal‑artisti b’reazzjoni għal tema mogħtija. 

Qegħdin jiġu aċċettati proposti mill‑artisti biex jieħdu sehem fil‑MIAF 2017. Il‑prestazzjonijiet magħżulin se jittellgħu f’Esplora fis‑16 ta’ Lulju, 2017. Il‑proposti li ġejjin mill‑forom kollha tal‑arti (mużika, żfin, teatru u media) u li huma addattati għall‑etajiet kollha huma eliġibbli, iżda dawn iridu jkunu ispirati mill‑ambjent ta’ Esplora u tematikament marbutin mas‑suġġett relatat (eż. esplorazzjoni, skoperta, xjenza titħallat mal‑arti, u l‑esebizzjonijiet infushom), kif ukoll l‑ispazju fih innifsu. It‑tul ta’ ħin tal‑prestazzjoni/installazzjoni huwa flessibbli. Għal proposti artistiċi inqas konvenzjonali hu rrakkomandat li l‑artist iżur il‑post. 

L‑applikanti għandhom jibagħtu ittra ta’ intenzjoni li tinkludi spjega tal‑proġett jew il‑prestazzjoni tagħhom, kif ukoll bijografija, ritratti, siltiet diġitali mix‑xogħol, u lista tal‑ħtiġijiet tekniċi lid‑Direttur Artisitiku Dr Michelle Castelletti fuq michelle.castelletti@maltaartsfestival.org sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Mejju, 2017. It‑titlu tal‑email għandu jkun MIAF 2017: Explore, Think, Imagine, Create.

Importanti li l‑artisti jiftakru li l‑possibbiltajiet loġistiċi huma limitati ħafna u m’hemmx pjanu fuq il‑post; madankollu jista’ jintuża l‑keyboards. Il‑festival għandu d‑dritt li ma jagħżel l‑ebda xogħol għal din l‑okkażjoni. 

www.maltaartsfestival.org

SEJĦA GĦALL‑ARTI

B’segwitu għar‑rispons fantastiku tas‑sena l‑oħra għas‑sejħa għall‑arti, MIAF 2017 qiegħda toħroġ sejħa simili għall‑programm ta’ din is‑sena.

Artisti viżivi huma mistiedna jdaħħlu xogħol biex jiġi stampat fil‑programm tal‑festival għal din is‑sena. Kwalunkwe forma tal‑arti viżiva li tista’ tiġi stampata permezz ta’ fotografija hija aċċettata. L‑artisti huma mitlubin jużaw avvenimenti, temi u prestazzjonijiet attwali bħala ispirazzjoni għax‑xogħlijiet tagħhom. Id‑daqs ta’ kull paġna tal‑programm hu kif ġej: 16ċm wisa’ b’26ċm għoli.

Biex tapplika jekk jogħġbok ibgħat kopja diġitali tax‑xogħol b’riżoluzzjoni għolja lid‑Direttur Artistiku Dr Michelle Castelletti fuq michelle.castelletti@maltaartsfestival.org. It‑titlu tal‑email għandu jkun MIAF 2017: Call for Art. L‑applikazzjonijiet għandhom jaslu sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Mejju, 2017. Il‑festival għandu d‑dritt li ma jagħżel l‑ebda xogħol għal din il‑pubblikazzjoni.