Nhar l-Erbgħa 28 ta’ Frar, Festivals Malta nediet l-erba’ festivals tas-sajf li ġej: il-Malta World Music Festival, Għanafest, il-Malta International Arts Festival u l-Malta Jazz Festival.

Waqt li kienet qed tindirizza l-istampa, id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala semmiet kif il-marka Festivals Malta ġġib solidità u uniformità fuq dawn il-festivals, li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha. F’din is-sena speċjali, fejn l-attenzjoni qed tingħata lil Malta bħala l-Kapitali tal-Kultura, Stivala ġibdet l-attenzjoni wkoll għal wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ Festivals Malta: li żżid udjenzi lokali, billi pereżempju torganizza attivitajiet li jilħqu iktar nies. “Il-viżjoni ta’ Festivals Malta hi li trawwem il-kreattività, il-professjonaliżmu, il-parteċipazzjoni u l-edukazzjoni kulturali fil-festivals tal-arti performattiva. Aħna ħerqana li qed iniedu dawn l-erba’ festivals li se jibdew il-proċess biex jintlaħqu dawn l-għanijiet importanti.”

Albert Marshall, iċ-Chairman Eżekuttiv, saħaq kif min-natura tagħhom il-festivals iservu bħala pjattaforma għall-artisti. Permezz tal-festivals tagħha, Festivals Malta mhux biss toffri pjattaforma għat-talent performattiv Malti, imma grazzi għall-kooperazzjoni internazzjonali, qed “iġġib ideat ġodda u innovattivi lejn Malta”.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar l-impatt pożittiv li dawn il-festivals qed iħallu fuq il-kalendarju kulturali Malti: “Il-varjetà kbira, flimkien mal-kwalità għolja ta’ dawn il-festivals, tkompli mhux biss tarrikkixxi l-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna imma anki timbotta l-industrija lokali biex dejjem tkompli issaħħaħ l-marka globali ta’ Malta bħala gżira ta’ festivals, kif ukoll tkompli tibni fuq l-awtentiċità u l-ospitalità tagħna, fejn in-nies jistgħu jivvjaġġaw biex igawdu l-arti favorita tagħhom.

Il-Malta World Music Festival (MWMF), li hu l-ewwel festival li se jiftaħ l-istaġun tal-festivals, se jsir biswit il-baħar f’Forti Sant’Iermu fit-18 u d-19 ta’ Mejju. Il-MWMF jiċċelebra s-sbuħija tad-diversità kulturali, l-iskambju u d-djalogu tal-għeruq tan-nies u l-vitalità li hi sostnuta minn esperjenzi bħal dawn u li jiġu espressi permezz tal-mezz b’saħħtu tal-mużika. L-ewwel biljetti bi prezz imraħħas diġà huma disponibbli għal dan il-festival fuq www.maltaworldmusicfestival.org.

It-tieni edizzjoni tal-festival issegwi s-suċċess tal-ewwel wieħed, li ħalla impatt pożittiv fuq dawk li jħobbu l-mużika. Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Renzo Spiteri, il-festival sar data oħra importanti fuq il-kalendarju kulturali nazzjonali. L-artisti li se jdoqqu fih mistennija jimpressjonaw.

Xahar wara, ikun imiss il-festival li jiċċelebra l-wirt mużikali folkloristiku Malti: Għanafest, li se jsir fit-22 u t-23 ta’ Ġunju fil-Ġnien tal-Argotti, il-Furjana. Il-festival iservi ta’ pjattaforma biex mużiċisti tal-għana u għannejja jesponu t-talenti tagħhom lil udjenzi usa’. Il-festival jinqasam fi tlieta: għana, artisti jew gruppi mużikali Maltin, u gruppi mużikali minn pajjiżi Mediterranji oħra li flimkien jiċċelebraw l-identità Mediterranja. Il-festival joffri wkoll esperjenza gastronomika lill-ispettaturi.

Il-Malta International Arts Festival jiftaħ fid-29 ta’ Ġunju u jintemm fil-15 ta’ Lulju. Il-festival iġib bosta dixxiplini flimkien permezz ta’ ċelebrazzjoni tal-passat, iżda li jippromwovi wkoll l-arti ta’ żmienna. Se jinkludi kurazzjoni speċifika għas-siti, mużika, arti viżiva, teatru, żfin, opra, installazzjonijiet, films, proġetti komunitarji, avvenimenti interattivi u parteċipattivi, u edukazzjoni. L-ewwel biljetti bi prezz imraħħas għal dan il-festival se jkunu għall-bejgħ mis-6 ta’ April.

Fost l-aqwa spettakli li se joffri dal-festival fit-Teatru Manoel hemm il-kunċert fl-1 ta’ Lulju, ta’ orkestra li ġġorr fama dinjija, l-Orkestra Concergebouw. Spettaklu ieħor mistenni hu Aria mill-kumpanija taż-żfin Taljana No Gravity, li se jsir fit-8 ta’ Lulju. L-ispettaklu litteralment jisfida l-gravità waqt li jgħaqqad mużika u kostumi Barokki ma’ kostumi oħra meraviljużi, stilts u delikatezza.

Il-festivals sajfin jintemmu bit-tajjeb permezz tal-Malta Jazz Festival, li jiftaħ fis-16 ta’ Lulju u jibqa’ għaddej sal-21 ta’ Lulju. Il-festival se jsir fuq sitt ijiem fil-qalba storika tal-Belt Valletta u se jippreżenta bosta stili mid-dinja kontemporanja tal-jazz, bla ma jċedu għal attivitajiet pop jew mhux jazz. Din il-viżjoni hi riflessa fl-artisti eklettiċi magħżula għall-festival ta’ din is-sena.

Il-festival se jkompli jibni fuq ir-reputazzjoni tiegħu li bena matul is-27 sena li għaddew – li jospita wħud mill-aqwa ikoni tal-jazz. Fil-fatt din is-sena se jkollu lil tliet artisti importanti fuq livell globali: Chick Corea, Christian McBride u Bokantè, il-grupp mużikali ta’ Michael League.

L-ewwel biljetti bi prezz imraħħas tal-Malta Jazz Festival se jkunu disponibbli mis-17 ta’ Marzu.