t-tieni edizzjoni tal-Malta World Music Festival se jkun qed jagħmel ir-ritorn trijonfanti tiegħu fit-18 u d-19 ta’ Mejju fil-Forti Sant Iermu ġewwa l-Belt Valletta. Fuq medda ta’ żewġt iljieli, sitt atti internazzjonali minn madwar id-dinja kollha se jkunu qed jesebixxu d-diversità, il-kobor, u l-vivaċità li x-xena mużikali moderna għandha x’toffri. Minn interpretazzjonijiet kontemporanji ta’ forom mużikali antiki għal espressjonijiet iżjed puri ta’ tradizzjonijiet folkloristiċi, l-iskeda għandha x’toffri lil entużjasti tal-mużika ta’ kull tip.

“Ninsab tassew kuntent li rnexxieli ngħaqqad flimkien skeda daqshekk fantastika għat-tieni edizzjoni tal-Festival Malti ta’ Muzika Dinjija,” qal b’entużjażmu d-Direttur Artistiku, Renzo Spiteri. “Mill-ewwel edizzjoni s-sena l-oħra, xtaqt niżgura li l-festival jirrappreżenta atti tal-għola kalibru sabiex il-festival jilħaq quċċati ġodda. Dan żgur li se jkun festival bħall-ebda festival ieħor.”

Annabelle Stivala, direttur ta’ Festivals Malta, iddiskutiet il-progressjoni tal-festival mill-emfażi oriġinali tiegħu fuq mużika folkloristika, għal wieħed li huwa ċelebrazzjoni li tkopri kull forma ta’ mużika dinjija ma’ attrazzjoni usa’. Hija spjegat, “Oriġinarjament festival folkloristiku li issa ġie mtejjeb, il-Festival ta’ Mużika Dinjija jħaddan mużiċisti internazzjonali rebbieħa ta’ premjijiet u artisti lokali emerġenti f’ġeneri li jvarjaw minn tradizzjonali għal kontemporanji. Mis-sena l-oħra, dan il-festival li jiġbed l-attenzjoni soċjali ġie mogħti xejra ġdida pjuttost li tħajjar. Hija waħda iżjed friska, li żżomm mal-moda, u kkurata bir-reqqa, li twiegħed l-aqwa kollezzjoni ta’ mużika dinjija li Malta qatt tellgħet.”

B-mod eżuberanti tiegħu, il-festival jirrifletti xi wħud mill-valuri intrinsiċi tal-mandat kurrenti ta’ Malta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Jason Micallef, iċ-Chairman tal-V18, qal, “Il-Fundazzjoni Valletta 2018 hija kburija li qed tappoġġja dan il-festival, speċjalment minħabba l-emfażi tiegħu  fuq id-dimensjoni internazzjonali fejn tidħol id-diversità fil-mużika.”

Fost l-artisti ta’ din is-sena jispikka l-kollettiv li ġie nnominat għal Grammy, Afro Celt Sound System, li se jkun l-att prinċipali matul il-kunċert tal-Ġimgħa. Maħluq minn Simon Emmerson lura fl-1996, Afro Celt Sound System huwa kollettiv b’bażi Ewropea u Afrikana li kien ta’ forza kompletament ġdida fil-mużika sa mill-bidu nett. Bil-bejgħ issa jilħaq iżjed minn miljun u nofs album u żewġ nominazzjonijiet għal Grammy s’issa, Afro Celt Sound System kienu fuq quddiem nett fit-twassil tal-worldbeat lill-massa, hekk kif ħadu sehem f’kunċerti u festivals madwar id-dinja kollha.

Cushion, li se jkunu rappreżentanti ta’ Malta, se jagħtu bidu għall-festival il-Ġimgħa filgħaxija. Dan il-grupp lokali ta’ fużjoni Indjana huwa ispirat bil-kbir mit-tradizzjoni Indjana, b’dominanza għal licks fuq is-sitar u vokalizzazzjonijiet tal-Lvant, b’kollox segwit minn atmosfera ta’ keyboard u disinnji ta’ taħbit tal-bass u t-tambur. Il-preżentazzjonijiet live tagħhom spiss jinkludu korjografija ta’ żfin professjonali, juggling bin-nar, u atti tal-buugeng.

L-iskeda tal-lejl tal-Ġimgħa hija kompluta b’Refugees for Refugees, grupp mużikali ta’ għaxar mużiċisti taħt it-tmexxija tad-daqqaq tal-oud Belġjan, Tristan Driessens, li huma verament refuġjati ġejjin mis-Sirja, l-Iraq, l-Afganistan, il-Pakistan, u t-Tibet. Il-ħoss tal-grupp mużikali jibni pontijiet bejn il-patrimonju mużikali ta’ kull waħda minn artijiet twelidhom rispettivament.

L-artista Spanjola fil-quċċata tal-klassifiċi, Ana Alcaide, se tagħti bidu għall-festivitajiet tas-Sibt filgħaxija. Ana kellha rwol pijunier fl-introduzzjoni u l-popolarizzazzjoni tan-nyckelharpa fi Spanja. B’għeruq fi tradizzjonijiet antiki imma reżolutament moderni, il-kompożizzjonijiet tagħha jħalltu b’mod ħafif stili mużikali minn kulturi differenti.

Alcaide se tkun segwita minn TRAD.ATTACK!, triju ta’ mużiċisti li jdoqqu l-interpretazzjoni tagħhom ta’ mużika folkloristika Estonjana, li twaħħad ir-rock, il-mużika folkloristika, u l-mużika taż-żaqq. TRAD.ATTACK huma ispirati minn rekords mill-arkivji ta’ kantanti u strumentalisti Estonjani kbar, li kkrejaw u esebixxew mużika għal xogħol, pjaċir, u festivitajiet fi żminijiet tal-imgħoddi.

Il-festival jasal fi tmiem b’att minn Electrik GEM! Il-gitarrist, Grégory Dargent, u l-grupp imżewwaq ta’ strumentalisti tiegħu – li jinkludi mużiċisti tal-oud, gadulka, u tarhu – jinkorporaw ħsejjes mill-Balkani, il-Lvant Nofsani, u l-Orjent, f’attentat biex jittraskrivu b’mod mużikali l-metropoli moderna u multidimensjonali Mediterranja.

L-edizzjoni tal-2018 Malta World Music Festival jwiegħed li jieħu lil dawk in attendenza fuq vjaġġ mużikali espansiv tul iż-żmien, kulturi, u spazju.

Malta World Music Festival huwa organizzat minn Festivals Malta fi ħdan il-Ministeru għal Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali, bl-appoġġ ta’ Valletta 2018, Mapfre MSV Life, u Farsons.