L-ewwel biljetti bi prezz imraħħas għall-Jazz Festival issa jinsabu għall-bejgħ. Dan tħabbar minn Festivals Malta. L-edizzjoni speċjali ta’ din is-sena se jkollha artisti kbar kif ukoll element attraenti ta’ jazz dinji, fl-okkażjoni li l-belt Valletta hi l-Kapitali Ewropea tal-Kultura (ECoC). Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, il-festival se jerġa’ jtella’ bla ħlas il-kunċerti ta’ nofsinhar kif ukoll il-masterclasses.

Il-Jazz Festival, li jiftaħ fis-16 ta’ Lulju u jintemm fil-21 ta’ Lulju, hu kburi li għandu tlieta mill-akbar ismijiet fil-jazz tal-lum: Chick Corea, Christian McBride u Karim Ziad. Il-festival se jinżamm f’bosta postijiet madwar iċ-ċentru storiku tal-Belt fuq sitt ijiem u żgur se jkun wieħed mill-aqwa festivals għas-sajf li ġej, grazzi għat-taħlita ta’ stili ta’ jazz kontemporanju li se joffri.

Il-festival jiftaħ bi tliet avvenimenti li se jkunu b’xejn fis-16 ta’ Lulju: kunċert minn Vinny Vella fuq il-pjanu, il-kantanta Andreana Debattista, Anthony Saliba (baxx) u Joe Micallef (tnabar) quddiem il-bini tal-Parlament. Il-ftuħ uffiċjali tal-festival se jsir fit-8:30pm fl-istess ġurnata b’kunċert minn Stjepko Gut Quintet u l-wirja fotografika Jazz Island ta’ Joe Smith, fil-Phoenicia Hotel fil-Furjana, li hu s-sieħeb ewlieni tal-festival. Il-wirja tibqa’ miftuħa sal-21 ta’ Lulju.

Din is-sena l-festival ikompli jwessa’ l-fruntieri tiegħu permezz tas-sehem ta’ Karim Ziad, li se joffri taħlita ta’ jazz, gnaoua u ritmi oħra mill-Afrika ta’ Fuq kif ukoll tal-leġġenda Brażiljana Joâo Bosco, li skont The New York Times hu “wieħed mill-aqwa kitarristi, kantanti u kompożituri fil-Brażil”, u se jerġa’ jżur il-gżira għall-edizzjoni speċjali tal-festival ta’ din is-sena.

Dwar il-festival, id-direttur artistiku Sandro Zerafa qal: “Il-Malta Jazz Festival sar istituzzjoni. Matul dawn il-ftit jiem l-isbaħ ħsejjes fuq id-dinja jiltaqgħu f’ċelebrazzjoni ta’ waħda mill-iktar forom ta’ arti importanti tas-seklu passat, li fl-istess waqt hi l-inqas waħda li tinftiehem. Il-jazz mimli kontradizzjonijiet - il-ħin kollu jiġġedded imma fl-istess ħin hu tradizzjoni. Li hemm żgur hu li mhuwiex mejjet. Kull meta jiġi Lulju hu gost tagħna li ntellgħu avveniment li bih nonoraw din il-forma ta’ arti umana magħrufa u rispettata.”

Zerafa semma’ wħud mill-iktar artisti importanti li se jieħdu sehem f’din l-edizzjoni speċjali: “F’Malta l-jazz hu sinonimu mal-Belt u nħossni privileġġat li qed noħloq dan il-programm speċjali fis-sena li Malta qed iġġorr it-titlu tal-Kapitali Ewropea. Il-preżenza ta’ Chick Corea hi partikularment importanti minħabba li tfakkarna minn fejn bdejna, lura fl-1991 f’Ta’ Liesse, fejn tpoġġew il-pedamenti tal-iktar festival Malti li ilu għaddej.”

Id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala enfasizzat kemm hu uniku dan il-festival: “Il-Malta Jazz Festival hu l-uniku avveniment tal-kalibru tiegħu li jippromwovi u jiċċelebra l-jazz lokalment. Dan l-avveniment ta’ ġimgħa jservi ta’ vetrina f’post uniku għal artisti internazzjonali inkluż dawk ta’ kalibru għoli. Fost l-attrazzjonijiet li wieħed għandu jistenna hemm il-kollaborazzjonijiet li jseħħu fuq il-palk, il-masterclasses kif ukoll il-workshops.”

Il-programm tal-Ġimgħa 20 ta’ Lulju jinkludi l-grupp New Jawn ta’ Christian McBride. Il-karriera ta’ McBride hi mmexxija minn enerġija bla waqfien u l-imħabba profonda għas-swing. L-artist, li ġej minn Philadelphia u hu rebbieħ tal-premju Grammy għal ħames darbiet, ilu għaddej bla waqfien għal dawn l-aħħar 30 sena. Hu wieħed mill-iktar artisti mfittxija u li ġew rekordjati fid-dinja tal-mużika tal-lum. Dakinhar se jdoqqu wkoll BOKANTÉ, grupp li għaqqad dan l-aħħar Michael League, il-fundatur ta’ Snarky Puppy. Il-kelma ‘bokanté’ tfisser ensemble bil-Kreol. Il-grupp magħmul minn tmien mużiċisti minn erba’ kontinenti differenti li ngħaqdu flimkien f’esperiment biex joħolqu grupp mużikali divers li hu rikk fil-groove, melodija u soul.

Il-kompożitur u mużiċist tal-jazz imħallat Amerikan Chick Corea se jerġa’ jingħaqad mal-ħbieb antiki tiegħu John Patitucci u Dave Weckl, u se jdoqqu bħala ċ-Chick Corea Trio nhar is-Sibt 21 ta’ Lulju. Dakinhar wieħed għandu jistenna l-enerġija inkredibbli ta’ Corea fuq il-pjanu kif ukoll jisma’ l-kitba tal-mużika brillanti tiegħu flimkien mal-artistrija fuq il-baxx ta’ Patitucci u l-brillantezza fuq it-tnabar ta’ Weckl.

Il-Malta Jazz Festival hu grat għall-appoġġ kontinwu li jsib mil-lukanda Phoenicia. Il-festival hu mtella’ minn Festivals Malta, li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, bl-appoġġ ta’ Valletta 2018, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Mapfre MSV Life, Farsons u Offbeat Music Bar.

L-ewwel biljetti bi prezz imraħħas

L-ewwel biljetti bi prezz imraħħas għall-avvenimenti f’Ta’ Liesse nhar l-20 u l-21 ta’ Lulju huma dawn:

·       biljett ta’ ġurnata bilwieqfa €15 (prezz nomali €20)

·       biljett ta’ ġurnata bilqiegħda €25 (prezz normali €30)

·       biljett ta’ jumejn bilwieqfa €30 (prezz normali €35)

·       biljett ta’ ta’ jumejn bilqiegħda €40 (prezz normali €50)

Il-biljetti għall-istudenti u dawk li għandhom iktar minn 60 sena dejjem jiswew €15 għal ġurnata waħda u €30 ta’ jumejn. Tfal taħt it-12-il sena jidħlu b’xejn. L-attivitajiet l-oħra kollha huma b’xejn.

Il-programm

 

It-Tnejn 16 ta’ Lulju

12:30pm Quddiem il-Parlament, bla ħlas

Vinny Vella – pjanu; Andreana Debattista – vuċi; Anthony Saliba – baxx; Joe Micallef – tnabar
8:30pm Il-lukanda Phoenicia, il-Furjana

Ftuħ uffiċjali tal-Malta Jazz Festival permezz tal-wirja  fotografika: Jazz Island ta’ Joe Smith  u kunċert minn  Stjepko Gut Quintet li jinkludi lil Hugo Lippi, Olivier Zanot, Philippe Aerts u Philippe Soirat.


It-Tlieta 17 ta’ Lulju

12:30pm Quddiem il-Parlament, bla ħlas

Mariele Zammit ‘The Lieder Project’ – Mariele Zammit – vuċi; Joe Debono – pjanu; Joseph Camilleri – tnabar

8:30pm Palazzo de la Salle, il-Belt, bla ħlas
Tribut lil Clark Terry minn Stjepko Gut Quintet


L-Erbgħa 18 ta’ Lulju

12:30pm Quddiem il-Parlament, bla ħlas

Anthony Camilleri Trio
9pm, Offbeat Music Bar, il-Belt, bla ħlas

Il-jam session annwali tal-festival minn Stjepko Gut, Hugo Lippi, Olivier Zanot, Philippe Aerts u Philippe Soirat

9pm, The Storeroom, Ta’ Xbiex, bla ħlas
The Ranch  


Il-Ħamis 19 ta’ Lulju 

12:30pm Quddiem il-Parlament, bla ħlas

Warren Galea Trio

8pm, fiċ-Ċentru tal-Belt , bla ħlas (ATTIVITAJIET EWLENIN)
Yotam Silberstein Quartet (id-daħla tal-Belt)

Tribut lil Count Basie minn The MCO Big Band li se ddoqq Kansas City Suite (Pjazza Teatru Rjal)

Karim Ziad ‘Ifrikya’ (Quddiem il-Qorti)


Il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju

12:30pm Quddiem il-Parlament, bla ħlas

Jes Psaila Project

8pm, Ta’ Liesse (ATTIVITÀ EWLENIJA)
The Blue Tangerine
New Jawn
ta’ Christian McBride
Bokanté


Is-Sibt 21 ta’ Lulju

12:30pm Quddiem il-Parlament, bla ħlas

The Malta School of Music Jazz Ensemble
8pm, Ta’ Liesse (ATTIVITÀ EWLENIJA)
Chick Corea Trio
João Bosco

Masterclasses

Il-Malta Jazz Festival jippreżenta s-serje ta’ masterclasses annwali mmexxija minn uħud mill-aqwa mużiċisti fl-isfera internazzjonali tal-jazz. Il-parteċipazzjoni hi bla ħlas imma n-numru ta’ parteċipanti hu limitat. Prijorità tingħata lil dawk li ġa jipprattikaw il-mużika. Is-sessjonijiet għandhom tul ta’ siegħa u nofs. Kull min hu interessat jibgħat email lil ruben.balzan@festivalsmalta.org u fiha jindika liem masterclass jixtieq jattendi, x’livell ta’ mużika għandu kif ukoll numru fejn jista’ jiġi kkuntattjat. L-applikazzjonijiet jiftħu fl-14 ta’ Mejju. Dawk li jintbagħtu qabel ma jitqisux. Il-masterclasses kollha se jsiru fl-OFFBEAT Music Bar, 106, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. 

 

It-Tnejn 16 ta’ Lulju, 5pm

Hugo Lippi – kitarra  


It-Tlieta 17 ta’ Lulju, 5pm

Philippe Soirat – tnabar, Philippe Aerts – baxx


L-Erbgħa 18 ta’ Lulju, 5pm

Yotam Silberstein – kitarra


 Il-Ħamis 19 ta’ Lulju, 5pm

Olivier Zanot – sassofonu


Il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju, 5pm

Stjepko Gut – trumbetta


Saturday 21 ta’ Lulju, 11am

Vincent Jacqz – taħriġ tal-widna (ear training)

 

Għal iktar tagħrif żur www.maltajazzfestival.org.