Festivals-Malta-Artistic-Director-2.jpg

SEJĦA GĦAL SOTTOMISSJONIJIET

Festivals Malta qed tfittex professjonisti kreattivi u innovattivi biex jieħdu r-rwol ta’ Diretturi Artistiċi. Id-Diretturi Artistiċi għandhom ir-responsabbiltà sħiħa tal-maniġment artistiku tal-festival li jkunu assenjati fuqu kif ukoll tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tax-xogħol artistiku li jittella’ fih. Id-Diretturi Artistiċi jridu jikkollaboraw mill-viċin mal-Maniġers tal-Festivals u jirrapportaw lura lid-Direttur ta’ Festivals Malta. Id-Diretturi Artistiċi magħżula jeħtieġ li jipprovdu direzzjoni artistika għal perjodu ta’ tliet snin (2019-2021) għall-festivals li ġejjin:  

Mejju - World Music Festival

Ġunju - Għanafest - Il-Festival tal-Mużika Folk Mediterranja f’Malta

Lulju - Malta International Arts Festival

Lulju - Malta Jazz Festival

Ottubru - Notte Bianca

Novembru - The Three Palaces

 

Dwar l-irwol

 Id-Diretturi Artistiċi għandhom:

-        Ifasslu, jippjanaw u jissorveljaw l-eżekuzzjoni tal-festival u l-attivitajiet marbuta miegħu f’isem Festivals Malta;

-        Jikkordinaw mal-performers u l-artisti biex jiksbu l-aqwa produzzjonijiet possibbli u jagħmlu l-almu tagħhom biex jattiraw udjenzi konsiderevoli grazzi għal strateġiji mfassla biex jiżviluppaw l-udjenza;

-        Jagħmlu riċerka, imexxu gruppi ta’ diskussjoni, jiddisinjaw u jingaġġaw materjal u talent lokali u internazzjonali billi jimxu ma’ politki tal-aqwa prattiċi u inizjattivi kreattivi avvanzati fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti fuq livelli internazzjonali;

-        Jagħżlu l-kontenut artistiku għall-festival li jinkludi firxa wisgħa ta’ ġeneri performattivi kif ukoll itellgħu xogħol lest ta’ kumpanijiet jew jikkummissjonawhom biex jagħmlu xogħol ġdid;

-        Jattendu u jissorveljaw kull spettaklu skedat tal-produzzjoni;

-        Jikkontribwixxu b’mod kreattiv u artistiku fit-tfassil u l-produzzjoni tal-avveniment;

-        Jintalbu jitkellmu fil-pubbliku dwar il-festival;

-        Jiddedikaw kemm hemm bżonn ħin biex il-festival ikun ta’ suċċess;

-        Ikunu Malta mill-inqas 3 ġimgħat qabel u waqt li jkun qed jittella’ l-festival;

-        Jirrappurtaw lura lid-Direttur ta’ Festivals Malta

 

Kriterji tal-Għażla:

L-applikanti jridu jkunu kapaċi jipprovdu viżjoni artistika ġenerali u kif se jiżviluppaw il-festivals billi jilħqu l-missjoni u l-viżjoni attwali ta’ Festivals Malta waqt li jaħdmu għall-kwalità u l-eċċellenza. L-applikanti jrid ikollhom esperjenza dokumentata tax-xogħol tagħhom, kapaċi jilħqu l-miri tagħhom u jkunu motivati u jkollhom ħiliet komunikattivi eċċellenti. Ikunu meħtieġa jagħmlu użu mir-riżorsi u n-networks eżistenti tagħhom biex jiġbdu l-interess lokali u internazzjonali lejn il-festival.

 

ĦILIET U ESPERJENZA MEĦTIEĠA

Il-kandidati jrid ikollhom esperjenza f’li ġej:

-        Ħiliet fl-ibbaġitjar

-        Networking ma’ artisti u kumpaniji ta’ maniġment artistiku internazzjonali

-        Ħiliet komunikattivi b’saħħithom

-        Ħiliet organizzativi b’saħħithom

-        Esperjenza ta’ ħidma f’avvenimenti ta’ profil kulturali għoli

-        Kapaċi joħorġu b’ideat u jfasslu proġetti mill-ħsieb sal-eżekuzzjoni

-        Esperjenza fl-immaniġġjar ta’ bosta progetti f’daqqa

-        Esperjenza fl-immaniġġjar tal-avvenimenti

-        Għarfien tas-settur kulturali u l-ħajja Maltija

Tingħata preferenza lil professjonisti b’esperjenza wiesgħa fil-qasam tal-arti, b’mod partikolari dawk li pparteċipaw f’avvenimenti ta’ prestiġju internazzjonali u li huma lesti li jkomplu jiżviluppaw il-festivals tagħna skont il-pjanijiet strateġiċi relatati. Ir-responsabbiltà u l-għarfien dwar il-ħidma mal-fondi pubbliċi jitqiesu bħala assi.

Dawk interessati għandhom jibagħtu portafoll dettaljat li jenfasizza r-rekord artistiku tagħhom, flimkien ma’ ittra li tesprimi l-motivazzjoni u x-xewqa tagħhom li jkunu Direttur Artistiku, x’ħiliet se jġibu magħhom, u l-għanijiet li jixtiequ jiksbu jekk jintgħażlu biex jaqdu d-dmirijiet ta’ Direttur Artistiku għal festival partikulari.

L-applikanti kollha għandhom ikunu reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT.

Is-sottomissjonijiet jintlaqgħu waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju fil-bini ta’ Festivals Malta mhux aktar tard minn nofsinhar, il-Ġimgħa 30 ta’ Marzu 2018 u għandhom jiġu indirizzati hekk:

Direttur tal-Festivals Malta, Festivals Malta, 16, Casa Scaglia, Triq Mikiel Anton Vassalli, Valletta VLT1311

Kwalunkwe mistoqsija dwar is-sejħa għandha tintbagħat lil info.fm@festivalsmalta.org sal-Ġimgħa 23 ta’ ta’ Marzu 2018.