FM-Banner-MT.gif

Minn mużika ta’ madwar id-dinja, għal għana, minn preżentazzjonijiet artistiċi għal jazz kontemporanju, Festivals Malta kburija li għadha kif nediet erba’ festivals varjati li se jittellgħu matul ix-xhur tas-sajf.

Flimkien mal-kalendarju taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kapitali tal-Kultura, se jkun hemm ukoll iżewqu ż-żmien tas-sajf erba’ festivals ta’ kalibru: il-Malta World Music Festival, l-Għanafest,
il-Malta International Arts Festival u l-Malta Jazz Festival.

Waqt li kull festival għandu l-attrazzjonijiet partikolari tiegħu, l-erba’ festivals bejniethom jgħaqqadhom għan ewlieni dak li jiżdiedu l-udjenzi lokali. L-erbgħa li huma jwettqu l-viżjoni ta’ Festivals Malta li trawwem il-kreattività, il-professjonaliżmu, il-parteċipazzjoni u l-edukazzjoni kulturali fil-festivals tal-arti performattiva.

L-istaġun jiftaħ bil-Malta World Music Festival (MWMF), li se jsir Forti Sant’Iermu fit-18 u d-19 ta’ Mejju. Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Renzo Spiteri, dan il-festival sar parti importanti tal kalendarju kulturali nazzjonali hekk kif jiċċelebra s-sbuħija tad-diversità kulturali, l-iskambju u d-djalogu tan-nies u l-vitalità li hi sostnuta minn esperjenzi bħal dawn u li jiġu espressi permezz ta’ mezz uniku bħalma hi l-mużika. Fost l-artisti li se jieħdu sehem, se jipparteċipaw ukoll Afro Celt Sound System, The Refugees for Refugees Band, u Cushion.

Il-wirt mużikali folkloristiku Malti jingħata l-attenzjoni mistħoqqa grazzi għal avveniment bħal Għanafest. L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir fit-22 u t-23 ta’ Ġunju fil-Ġnien tal-Argotti, il Furjana. Il-festival, minbarra li jservi ta’ pjattaforma biex mużiċisti tal-għana u għannejja jesponu t-talenti tagħhom, joffri wkoll spazju lil artisti u gruppi mużikali Maltin, kif ukoll gruppi mużikali minn pajjiżi Mediterranji oħra, li kollha jiċċelebraw l-identità Mediterranja. U x’hemm aħjar milli tgawdi dan kollu waqt li jkollok platt ikel bnin f’idejk? Għanafest joffri wkoll esperjenza gastronomika delizzjuża lill-ispettaturi.

Il-Malta International Arts Festival li se jiftaħ fid-29 ta’ Ġunju għandu ħafna aspetti differenti li ċertament se jolqot il-gosti ta’ ħafna min-nies. Minn dan il-festival, wieħed għandu jistenna kurazzjoni speċifika għas-siti, mużika, arti viżiva, teatru, żfin, opra, installazzjonijiet, films, proġetti komunitarji u avvenimenti interattivi u parteċipattivi. Fost l-aqwa spettakli li se joffri dan il-festival, se jkun hemm kunċert fl-1 ta’ Lulju fit-Teatru Manoel mill-Orkestra Concergebouw li ġġorr magħha fama dinjija. Spettaklu ieħor mistenni, li litteralment jisfida l- gravità, hu Aria mill-kumpanija taż-żfin Taljana No Gravity, li se jsir fit-8 ta’ Lulju.

Bejn is-16 u l-21 ta’ Lulju l-qalba storika tal-Belt Valletta se timtela b’mużika jazz kontemporanja mogħtija minn uħud mill-aqwa artisti tal-jazz fid-dinja. Il-Malta Jazz Festival, li se jittella’ fuq sitt ijiem, se jkollu tliet artisti importanti li jissemmew madwar id-dinja: Chick Corea, Christian McBride u Michael League. Tinsiex tiċċekkja wkoll l-avvenimenti tal- Jazz on the Fringe li se jsiru f’bosta postijiet madwar il-Belt.

L-ewwel biljetti bi prezz imraħħas għal Malta World Music Festival diġà huma disponibbli
minn www.maltaworldmusicfestival.org. Għal aktar tagħrif żur: www.festivalsmalta.com

FM-Banner-MT.gif