L-għoxrin edizzjoni tal-Għanafest 2018, ġiet imnedija bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Girgor fiż-Żejtun. L-Għanafest huwa festival li jiġbor fih mużika u kant tradizzjonali lokali u internazzjonali bil-għan li jippromwovi artisti lokali ta’ dan il-ġeneru. Dan il-festival se jerġa’ jsir fil-Ġnien tal-Argotti fejn sar xogħol ta’ tisbih matul din is-sena. Din l-edizzjoni ta’ Għanafest ser issir fit-22 u t-23 ta’ Ġunju mis-7pm ‘l quddiem. Matul iż-żewġ serati, dan il-programm joffri varjeta` vasta ta’ Għana u mużika folk internazzjonali. Bħal edizzjoniet oħrajn, dan il-festival joħloq atmosfera sabiħa għall-familja. Dan għaliex l-Għanafest jinkludi elementi awtentiċi bħal ikel tradizzjonali malti u wirjiet ta’ ħiliet artiġjanali.

Id-direttur Artistiku ta’ dan il-festival, Renzo Spiteri qal: “Ninsab kuntent illi l-Għanafest se jerġa’ jirritorna fil-Ġnien tal-Argotti fil-Furjana. Dan il-ġnien joffri ambjent ideali għal dan il-festival ta’ ġeneru partikolari. L-għan tal-Ghanafest huwa li jkompli jsaħħaħ it-tradizzjoni tal-mużika folk fost udjenza vasta bil-għan li jservi ta pjattaforma għall-kantanti u kompożituri lokali u artisti internazzjonali tal-istess ġeneru”.

Il-kantanta Cheryl Balzan u l-kitarrist u kompożitur Christian Tanti se jkunu qed jipparteċaw fl-ewwel serata tal-festival, kif ukoll band Irlandiża bl-isem ta’ ‘Kelly Heroes’ fejn se jdoqqu varjeta’ ta’ mużika folk, mużika kontemporanja kif ukoll mużika originali tagħhom bi strument tradizzjonali tal-pajjiż magħruf bħala ‘bodhran’.

Fit-tieni serata tal-festival, hekk kif semmiet id-direttur tal-Festival Annabelle Stivala, il-quintet Malti huwa mistieden biex isemmgħulna l-mużika tagħhom bi stil uniku mħallat ma’ letteratura Maltija. Iktar tard fis-serata, it-trio Portugiż folk ‘Seiva’ għandu ppreparat repertorju ta’ mużika tradizzjonali bi strumenti awtentiċi tal-pajjiż: ċirimelli portugiżi, adufe, braguesa, cavaquinho u tamburin.

Bħall-edizzjoni tas-sena l-oħra, il-festival se jestendi l-attivitajiet tiegħu għal 3 irħula oħra:

·        Qrendi – Festa Agrarja fis-27 ta’ Ġunju.

·        Buskett – Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Imnarja fit-28 ta’ Ġunju filgħaxija u filgħodu tad-29 ta’ Ġunju.

·        Birżebbuġa – Programm ta’ għana fid-29 ta’ Ġunju filgħaxija.

Biljetti għall-Għanafest 2018 jistgħu jinxtraw fit-22 u t-23 ta’ Ġunju mal-bieb għall-prezz ta’ €5 kull lejla jew ta' €8 għal jumejn.

“It-tradizzjonijiet huma parti importanti min dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin u aħna għandna obbligu li nieħdu ħsiebhom dawn it-tradizzjonijiet, nindukrawhom u nagħmluhom rilevanti għaż-żminijiet tal-lum. L-Għanafest li nedejna llum waqt il-festa tradizzjonali ta’ San Girgor, huwa pjattaforma eċċellenti biex inkomplu nagħtu ħajja ġdida lill-għana f’pajjiżna. Dan se jsir fl-Argotti fejn għal darb oħra se jkun hemm festival sabiħ immens. Pero ħsibna wkoll illi nġibu l-għana iktar qrib it-toroq u l-pjazez fl-irħula Maltin u Għawdxin u għazilna tliet lokalitajiet. Il-Kultura hija importanti ħafna għalina u aħna se nkomplu mmexxu ‘l quddiem l-aspetti kollha tal-espressjoni kulturali”. Ministru għal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Ono. Owen Bonniċi.

“Fl-Għanafest niċċelebraw elementi differenti – il-muzika, il-gastronomija, t-tradizzjonijiet u qed nippruvaw nagħmlu affarijiet li jkunu iktar kontemporanji. Din is-sena ġie mniedi proġett ta’ tlett snin mal-grupp SKALD, li jħaddan it-tradizzjoni tal-mużika folk (l-għana) b’mod innovativ. Il-poeżija u l-mużika jiġu mħawwra biex joħolqu xi ħaġa ġdida filwaqt li jżommu l-element awtentiku tat-tradizzjoni. Festivals Malta se jkun qed jinvesti f’dan il-proġett,bil-għan li jkompli jsaħħaħ it-tradizzjoni, jippromwovi talent ġdid lokali waqt li dawn l-attivitajiet iservu biex iż-żgħazagħ ikunu jistgħu jirrelataw iktar magħhom”. Direttur Festivals Malta – Annabelle Stivala.