Il-Milied ta’ din is-sena se jkun wieħed iktar speċjali għal dawk li għandhom għal qalbhom il-presepji. Bħal kull sena Festivals Malta qed tniedi l-Kompetizzjonijiet Nazzjonali tal-Presepji għall-Milied tal-2018 f’sitt kategoriji differenti. Dawn ivarjaw fil-qies tal-presepju, jekk hux mekkaniku kif ukoll fl-oriġinalità tal-materjal li jintuża jew fl-eżekuzzjoni tiegħu. F’kull kategorija jingħataw premji fi flus lill-ewwel tliet rebbieħa li jintagħżlu minn ġurija magħżula apposta. L-applikazzjonijiet se jiftħu fil-15 ta’ Ottubru.

Minbarra l-kompetizzjonijiet tal-presepji, f’Novembru li ġej se tittella’ f’Malta l-Konvenzjoni għall-Ħbieb Ewropej tal-Presepju 2018. Il-Konvenzjoni hi organizzata mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, għaqda li twaqqfet fl-1986 biex iġġedded it-tradizzjoni li jintrama l-presepju fid-djar Maltin fil-Milied. Il-Konvenzjoni, li se ssir fuq erbat ijiem bejn is-7 u l-11 ta’ Novembru, toffri l-opportunità li dilettanti tal-presepju mill-Ewropa u minn madwar id-dinja jiltaqgħu u jiċċelebraw din il-ħbiberija permezz tad-diversità li tinsab fid-drawwiet tal-presepju. Għal aktar tagħrif żur www.cribconventionmalta2018.org.

Iktar dettalji dwar is-sitt kompetizzjonijiet tal-presepji

Din is-sena l-kompetizzjonijiet se jiftħu f’dawn il-kategoriji:

1.      Presepju Mekkaniku

2.      Presepju Kbir

3.      Presepju ta’ Qies Medju

4.      Presepju  Żgħir

5.      Presepju Oriġinali fil-Materjal

6.      Presepju Oriġinali fl-Eżekuzzjoni

Kull presepju jrid ikun miftuħ għall-pubbliku mill-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru 2018  sal-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019.  Il-ħin tal-ftuħ għall-wiri għandu jkun mill-5pm sat-8pm tul il-ġranet kollha msemmija. Kull applikant jista’ jżomm il-post tal-wiri miftuħ f’ħinijiet itwal u/jew ġranet aktar milli mitlub.

Id-dħul għall-wiri tal-presepju għandu jkun bla ħlas, iżda hu permess li jitpoġġa xi reċipjent viċin il-presepju għad-donazzjonijiet tal-pubbliku.

Il-membri kollha tal-ġurija għandhom id-dritt li jżuru l-presepji kemm-il darba jixtiequ fil-ġranet u l-ħinijiet imsemmija għall-wiri. Jistgħu wkoll jieħdu ritratti u/jew filmati tal-presepju jew partijiet minnu, kemm huma stess jew bis-saħħa ta’ fotografu mqabbad apposta.

 Il-ġurija għandha d-dritt ma tagħtix il-premjijiet jekk skont il-ġudizzju tagħha ma jkunx intlaħaq il-livell meħtieġ. F’kull każ id-deċiżjonijiet tagħha jkunu finali u inappellabbli.

L-applikazzjonijiet fuq il-formola preskritta, kompluti b’mod ċar bid-dettalji kollha mitluba, jiftħu nhar it-Tnejn 15 ta’ Ottubru 2018 u għandhom jitwasslu bl-idejn flimkien mal-ħlas ta’ €10 sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa 16 ta’ Novembru 2018 fl-Uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Arti: 16, ‘Casa Scaglia’, Triq MA Vassalli, il-Belt Valletta. L-ebda applikazzjoni ma tkun aċċettata jekk tasal wara dan il-ħin tal-ġurnata msemmija. Għal aktar dettalji dwar ir-regolamenti u l-applikazzjoni, tista’ żżur www.festivalsmalta.org, tibgħat fuq info.fm@festivalsmalta.org jew ċempel fuq 23397000.