top of page
  • festivalsmalta

Festivals Malta jniedi l-Festivals tas-Sajf.

Il-festivals annwali tal-Malta International Arts Festival u l-Malta Jazz Festival ser isiru fix-xahar ta’ Lulju.




Festivals Malta uffiċjalment nidiet il-kalendarju kulturali tas-sajf tagħha, li għal darboħra ser jinkludi l-Malta International Arts Festival u l-Malta Jazz Festival. Dawn il-festivals ser isegwu bir-reqqa l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, u ser isiru b’verżjoni aktar ridotta milli nafuha s-soltu tul ix-xahar ta’ Lulju.


Waqt konferenza stampa li mmarkat it-tnidieja taż-żewġ festivals, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera rringrazzja lill-artisti, il-ħaddiema kollha u l-organizzaturi taż-żewġ festivals talli għal darboħra rnexxielhom joħolqu festivals tal-għola kwalita’ u li permezz ta’ xogħolhom huma qed juru r-reżiljanza ta’ dan is-settur.

“Jiena kburi bix-xogħol kontinwu li l-ħaddiema ta’ Festivals Malta, id-Diretturi Artistiċi u l-artisti nnifishom wettqu tul dawn l-aħħar xhur biex irnexxielhom joħolqu festivals ta’ din il-kwalita’ minkejja dan iż-żmien diffiċli. Ir-reżiljanza tagħkom tirrifletti l-passjoni li għandkom għal dan is-settur, u bħala gvern aħna ser inkomplu nissapportjaw ix-xogħol tagħkom bis-sħiħ biex insaħħu s-settur kreattiv u kulturali biex ikun aktar sostenibbli.


Il-konferenza stampa ġiet ukoll indirizzata miċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton flimkien mal-Kap Eżekuttiv Annabelle Stivala. Is-Sur Hamilton ikkummenta, “L-għan ewlieni ta’ Festivals Malta hu li jipprovdi opportunitajiet lill-artisti lokali, u din is-sena ma kinitx eċċezzjoni. Għaldaqstant, it-tim ta’ Festivals Malta qed jaħdem bis-sħiħ biex jiżgura li dawn il-festivals jsegwu l-miżuri kollha tal-covid-19 biex jissalvagwardjaw l-artisti, l-ħaddiema u l-udjenzi tagħna. Is-Sinjura Stivala kkummentat fuq l-importanza tal-investiment fit-talent lokali, issa aktar minn qatt qabel. “Permezz tal-Malta International Arts Festival u l-Malta Jazz Festival, aħna rnexxielna mhux biss noffru pjattaforma lill-artisti tagħna fejn jistgħu jesprimu ruħom u jaqilgħu l-għajxien tagħhom, iżda wkoll li noffru ftit żvog u divertiment lil dawk kollha li għandhom l-arti u l-kultura għall-qalbhom.”


Il-Malta International Arts Festival ser jibda’ proprju minn għada bl-ewwel live event tiegħu, bi programm li jiċċelebra l-oqsma kollha tal-arti performattiva. Id-Direttur Artistiku, Ruben Zahra, kkumenta li din is-sena, l-festival li ser isir bejn it-3 u l-31 ta’ Lulju, ser jiffoka fuq it-talent lokali, bi prestazzjonijiet mill-Malta Philharmonic Orchestra, Żfin Malta u żeffiena u koreografi lokali, kif ukoll artisti u atturi esperjenzati. Għalkemm l-artisti lokali ser ikunu fil-qofol ta’ dan il-festival, xorta ser naraw żewġ artisti internazzjonali li huma magħrufa minn madwar id-dinja għall-prestazzjonijiet mużikali tagħom li mhux ta’ min jitlifhom.




Il-Malta Jazz Festival, li ser isir bejn it-12 u s-17 ta’ Lulju, ser jara r-ritorn tal-verżjoni ridotta tiegħu s-‘City Jazz Series’ li ser tospita artisti tal-jazz lokali ġewwa s-City Theatre u Pjazza Teatru Rjal ġol-Belt Valletta. Il-festival ser jinkludi wkoll masterclasses b’xejn ġewwa Pjazza Teatru Rjal u l-Hotel Phoenicia l-Belt Valletta, li ser ikunu mmexxija minn figuri prominenti fix-xena tal-mużika jazz. Id-Direttur Artistiku, Sandro Zerafa kkummenta li sfortunatament din is-sena l-Jazz Festival mhux ser jinkludi headliners, għaldaqstant, delettanti tal-festival xorta għandhom jistennew spettaklu mill-aqwa b’prestazzjoni minn Chiara Pancaldi akkumpanjata minn Darryl Hall, Dmitry Baevsky, Yonathan Avishai u Felipe Cabrera bl-album tiegħu ‘Mirror’ u t-trio fenomenali ta’ Danny Grissett. Apparti minn hekk, wieħed jista’ wkoll igawdi l-esebizzjoni fotografika annwali ġewwa l-Hotel Phoenicia, li din id-darba ser issir minn Therese Debono. L-esebizzjoni bit-titlu ‘Jazz Expressions’ ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju.


Għal aktar informazzjoni rigward il-Malta International Arts Festival u l-Malta Jazz Festival irrikorri fuq www.festivals.mt. Il-postijiet għal dawn il-festivals huma limitati u l-biljetti jridu jinxtraw minn qabel.






bottom of page